top of page

Ġawhra

Ġawhra

Sinossi 

B’titlu bħal ‘Ġawhra’, impossibbli li ma jkollokx kanzunetta bi kliem mirqum li jirrifletti kemm xi ħaġa hi tassew prezzjuża fejn m’hemmx prezz indikat biex turi kemm din tiswa. ‘Ġawhra’ titkellem proprju dwar dan u aktar. Din hija kanzunetta ta’ mħabba li tirrifletti kemm persuna hija speċjali f’ħajtek li magħha l-imħabba hi bla ebda kundizzjoni. Din tista’ tkun fuq livelli differenti ta’ mħabba: livell romantiku, livell platoniku, jew imħabba istintiva lejn dawk li għalik huma kollox. Din id-diska hija miktuba verament mill-qalb, interpretata b’rikkezza u passjoni biex dak li jkun jifhem, jgħożż u jemmen kull kelma li qed tingħad.  


Bijografiji

Michela Galea – Artist 

Il-passjoni lejn l-arti performattiva għal Michela bdiet t’età żgħira. Hija attendiet diversi klassijiet fi ħdan it-tagħlim tal-iskejjel ‘Stage Coach’, ‘Masquerade’ kif ukoll il-‘Malta Drama Centre’ fejn speċjalizzat fit-tliet dixxiplini ta’ din l-arti: il-kant, ir-reċtar, u ż-żfin.


Michela hija wiċċ familjari fuq it-televixin. Bħalissa għandha rwoli f’żewġ serje televiżivi, ‘Luna’ u ‘Jackpot 4’ iżda fil-passat ħadet sehem ukoll fi ‘D.R.E.A.M.S’, ‘Ħbieb u Għedewwa’, u ‘L-Għarusa’ fost oħrajn. Mit-televixin, imxiet ukoll għall-iskrin taċ-ċinema b’parti prinċipali fil-film ‘Ħabbilni Ħa Nirbaħ’ u anke għat-teatru b’involviment fi produzzjonijiet bħal: ‘Il-Kbir Għadu Ġej’, ‘Rajtha Fejsbuk’ u ‘Żeża tal-Flagship’, fost oħrajn.


Fl-2017, Michela rebħet ‘Miss World Malta’ u minn 120 parteċipanta kisbet it-titlu ta’ ‘Miss World Talent’. Matul is-sajf ta’ wara, rebħet ‘L-Għanja tal-Poplu’ bil-kanzunetta ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’.

 

Fl-2018, Michela lestiet il-kors tal-‘Baċċellerat tal-Arti bl-Unuri fl-Istudji Teatrali’, iżda l-istudju tagħha ma waqafx hawn, hekk kif bħalissa kompliet tavvanza permezz ta’ Maġisteru fl-Istudji Teatrali. Fl-2021, hija kienet waħda mill-ewwel 20 parteċipant f’‘Mużika Mużika’ bil-kanzunetta ‘Tbissimli’.



Gilbert ‘il-Bibi’ Camilleri – Kompożitur

Gilbert ‘il-Bibi’ Camilleri, twieled fit-23 ta’ Lulju 1979 u jiġi minn familja ta’ mużiċisti, fosthom in-nannu Frank ‘il-Bibi’ Camilleri, pijunier fil-mużika jazz f’pajjiżna. Missier Gilbert, Joseph ‘il-Bibi’ Camilleri, huwa mużiċist mal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll mal-Malta Philharmonic Orchestra, bħala prim perkussjonist. Gilbert beda jitgħallem il-pjanu mal-Professur Charles Zammit ta’ 7 snin.


Fis-sena 1994 ħa sehem f’‘L-Għanja tal-Poplu’ bħala kompożitur b’’Ġewwa Paceville’ fuq kliem ta’ Vince Zammit u interpretata minn Paul ‘Bibi’ Camilleri. Din il-kanzunetta rebħet l-‘Aħjar Lirika’ u l-‘Aqwa Tema Soċjali’. 


Suċċessi oħra segwew f’‘Il-Festival tal-Kanzunetta Maltija’ fl-1998 u fl-2006 bis-siltiet ‘Tlaqt mal-Mewġ’, b’lirika u l-interpretazzjoni ta’ Bernice Camilleri u ‘Fjamma ta’ Mħabba’, b’lirika ta’ Vince Zammit u l-interpretazzjoni ta’ Chantal Michel. Fis-sena 2021, ‘Għajejt Inħobb’ fuq il-lirika ta’ Rita Pace, u l-interpretazzjoni ta’ Christian Arding ikklassifikat fit-tieni post waqt l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Mużika Mużika’. L-istess silta rebħet ukoll il-premju għall-‘Aqwa Interpretazzjoni’.

Il-lum il-ġurnata, apparti li huwa l-pjanist tal-programm ‘Arani Issa’, Gilbert huwa wkoll mużiċist mal-‘Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta’, bħala prim pjanist u perkussjonist.



Emil Calleja Bayliss – Awtur

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb il-lirika għall-kanzunetti għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu. Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta ‘Back To’ u minn hemm qatt ma ħares lura.  


Hu kiseb l-ewwel post fil-festival ‘L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ’ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta ‘Dwell’ u fl-2019 bil-kanzunetta ‘Ħaġar Qim’, filwaqt li fl-2018 rebaħ il-festival ‘L-Għanja tal-Poplu’ bil-kanzunetta ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’. Emil kiseb diversi suċċessi fil-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’ fejn fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta ‘Bħal Fjura’, fl-2018 bil-kanzunetta ‘Il-Pinna’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Nifs’. Fl-edizzjoni taż-żgħażagħ tal-istess konkors,  Emil kiseb l-ewwel post fl-2019 bil-kanzunetta ‘Burdati’, fl-2020 bil-kanzunetta ‘Tfixkluniex, Tħawduniex’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Marelli Ma’.


Tliet kanzunetti miktuba minnu rrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’: ‘Dawra Tond’ fl-2017, ‘Marchin’ On’ fl-2018, u ‘Chasing Sunsets’ fl-2020. Kanzunetta li żgur li jibqa’ magħruf għaliha hija l-kanzunetta ‘Kewkba’ li kisbet it-tieni post fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ tal-2017.  


Niżżel il-Lirika
ĠAWHRA - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 190KB

Artist

Kompożitur

Awtur

Michela Galea

Gilbert "il-Bibi" Camilleri

Emil Calleja Bayliss

Artist

Michela Galea

Kompożitur

Gilbert "il-Bibi" Camilleri

Awtur

Emil Calleja Bayliss

bottom of page