Claudia Faniello

Ġmielek

Kantant

Claudia Faniello

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Joe Julian Farrugia

Sinossi

Il-bniedem mhux sabiħ minn barra biss. Id-dinja mgħaġġla u kożmetika m’għandhiex ħin tħares lejn il-ġmiel intern ta’ kull bniedem, u għalhekk twarrab lil min mhux “bħall-oħrajn”. B’hekk jinħolqu l-preġudizzji, l-indifferenzi, ir-razziżmu u d-diversità fost sentimenti oħrajn li jikkundannaw lill-bniedem li jħossu mhux milqugħ. Kemm hawn nies ibatu fis-silenzju li aħna ftit nindunaw bihom imtarrxa mill-istorbju ta’ ħajja ma tistenna lil ħadd? Kemm hawn min hu emarġinat imma nħalluh warajna biex ma nitilfux postna aħna stess? Imma l-akbar sentiment fi ĠMIELEK hija t-tama. B’għajnejn bla preġudizzji nistgħu naraw il-ġmiel f’xulxin, kollha kemm aħna... nistgħu nkunu l-leħen għal min m’għandux!

Kantant

Il-karriera mużikali ta’ Claudia hija bħal qawsalla ta’ diversi emozzjonijiet sbieħ u versatili. Imwielda f’Malta b’dixxendenza Taljana, Claudia trawmet f’ambjent fejn il-mużika kienet dejjem preżenti u għaldaqstant trabbiet fiha mħabba u passjoni kbira lejha. Fl-2005 ħadet sehem fi programm magħmul apposta biex jiskopri talenti godda, u fil-fatt minn dakinhar qatt ma reġgħet ħarset lura.


Sena wara, iddebuttat fil-Festival Kanzunetta għall-Ewropa u minn hemm il-karriera tagħha ffjorixxiet u tatha l-opportunità li taħdem u tikkollabora ma’ diversi artisti lokali kif ukoll internazzjonali. Ftit wara, Claudia bdiet tikteb il-mużika tagħha flimkien ma’ mużiċisti oħrajn. Fost dawn il-kitbiet hemm diversi singles li daħlu f'qalb il-Maltin waqt li wkoll għamlu isem fuq livell internazzjonali. Fl-2008 u fl-2012 Claudia ġiet viċin ħafna li tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest u eventwalment ġiet inkurunata bit-titlu tal-ambaxxatriċi Maltija għall-Eurovision tas-sena 2017 li sar fl-Ukrajna. Minn dakinhar ħarġet aktar singles u żaret diversi pajjiżi tirrappreżenta lil pajjiżna,imma llum Claudia hija wkoll edukatriċi u qed tistudja għal psikoterapista. Issa tinsab ħerqana li tkanta l-kanzunetta tagħha ĠMIELEK fuq il-palk ta’ Mużika Mużika.

Kompożitur

Minn età tenera, Philip tgħallem idoqq il-kitarra u ma tantx dam ma beda jinteressa ruħu jikteb xi kanzunetta. Infatti, spiċċa biex kiteb diversi kanzunetti għal diversi artisti Maltin, b’involviment kemm fil-produzzjoni kif ukoll fir-rekordings ta’ ħafna mill-albums ewlenin li ħarġu f’pajjiżna.


Għaldaqstant, illum il-ġurnata, Philip huwa meqjus bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin f’pajjiżna. Rebaħ diversi kompetizzjonijiet mużikali b’materjal li huwa kkompona, fosthom: il-Malta Eurovision Song Contest; il-Festival tal-Kanzunetta Maltija; L-Għanja tal-Poplu u l-ewwel edizzjoni tal-festival prestiġġjuz MUŻIKA MUŻIKA. Kiseb riżultati prestiġġjużi fosthom it-tieni post fil-Eurovision Song Context fis-sena 2002 bil-kanzunetta “7th Wonder”. Ħa sehem b’suċċess f’ħafna festivals barra minn xtutna fejn kiseb riżultati prestiġġjużi fosthom fi Franza, l-Olanda, it-Turkija, il-Bulgarija, is-Slovenja, il-Belgju u oħrajn.


Iħobb ħafna lil raħal twelidu, il-Mellieħa, u fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali kiteb żewġ musicals: El Mellaħa u aktar riċenti, Naħal tal-Imħabba.

Awtur

JOE JULIAN FARRUGIA huwa kittieb, xandar u awtur tal-lirika. Fis-snin disgħin beda jieħu sehem fil-festivals nazzjonali ta’ pajjiżna b’mod regolari. Fl-1999 American Airlines ntgħażlet kanzunetta minn tiegħu biex tindaqq kull meta tintalab diska minn Malta fuq l-ajruplani tagħhom. Rebaħ għadd ta’ festivals lokali fosthom il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija 2013 u Mużika Mużika 2021. Fost festivals internazzjonali, rebaħ darbtejn il-festival internazzjonali Discovery li jsir fil-Bulgarija u l-festival Ti Amo tar-Rumanija ħames darbiet. Kiteb il-Kor Sinfoniku ELFEJN U TMINTAX li fetaħ is-sena tal-Valletta 2018 uffiċjalment. Kiteb xogħlijiet għall-palk fosthom produzzjonijiet soċjali, ballata, musicals u l-pantomima bil-Malti tal-Milied 3 darbiet. Ħareġ erba’ kotba ta’ bijografiji ta’ personaġġi Maltin. Beda fix-xandir fuq ir-radju fl-1993. Wara żmien qaleb għat-televiżjoni billi pproduċa, idderieġa u kiteb diversi programmi. Fost oħrajn, kien producer tal-programm Bijografiji u kiteb il-maġġoranza tal-episodji. Kiteb ukoll għadd ta’ drammi għat-televiżjoni, kif ukoll poeżiji għat-televiżjoni u r-radju. Illum ixandar il-programm għar-radju Joe Julian Filgħodu.

B'kollaborazzjoni ma'

Kantant

Kompożitur

Awtur

Claudia Faniello

Philip Vella

Joe Julian Farrugia

Ġmielek

Kantant

Claudia Faniello

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Joe Julian Farrugia