
Ħaddanni

Ħaddanni
Sinossi
Il-kenn hu xi ħaġa li forsi mhux dejjem nirrealizzaw kemm hu importanti fil-ħajja tal-individwu. Kenn, kemm il-kenn metaforiku u kemm il-kenn fiżiku għandhom l-istess importanza. Meta dan jintilef, il-persuna tispiċċa tħossha mitlufa u ma tafx fejn se taqbad tmur. ‘Ħaddanni’ titkellem proprju dwar il-kenn li persuna li tisfa vittma tas-soċjetà u tan-nies li hija mdawra bihom tkun qed tfittex. Il-problemi jidhru kbar u l-mewġ li miegħu tkun qed tikkumbatti jidher qalil, iżda jekk issib lil min jagħtik daqqa t’id bil-mod kapaċi tegħleb dan. ‘Ħaddanni’ tiġbor l-esperjenza ta’ persuna li għaddiet minn problemi ta’ abbuż iżda għarfet kif tiġġieled u tirbaħ fuq dak li sabet ma’ wiċċha.
Bijografiji
Justine Shorfid – Artist
Il-karierra ta’ Justine fil-qasam tal-mużika bdiet mill-età ta’ tmien snin. Hi ħadet sehem f’diversi konkorsi u produzzjonijiet lokali bħall-‘Malta Junior Eurovision Song Contest’, il-‘Malta International Festival’, ‘The Entertainers’, ‘Jien Għandi X’Nuri’, ‘San Remo Junior Malta Festival’, kif ukoll irnexielha tasal għall-finali ta’ ‘X Factor Malta’ fl-2020.
Justine minn dejjem kellha passjoni kbira għall-mużika. Tista’ tgħid kemm f’mumenti sbieħ kif ukoll ta’ niket, il-mużika dejjem sabitha ta’ wens. Il-mużika hija l-mod kif Justine tesprimi ruħha. Justine hija persuna avventuruża u tħobb tiskopri affarjiet differenti u titgħallem minn esperjenzi ġodda. Apparti minn hekk, Justine tħobb issiefer u wkoll tħobb l-affarjiet li għandhom x’jaqsmu max-xena tat-teatru bħal musicals. L-għan tagħha hu li tkompli taħdem biex tavvanza aktar fil-karriera mużikali tagħha u biex eventwalment ikollha l-opportunità li żżur aktar postijiet u kulturi differenti biex taqsam dak li tassew jagħmilha kuntenta: il-mużika.
Mark Spiteri Lucas – Kompożitur
Mark Spiteri Lucas twieled fit-22 ta’ Ġunju, 1977. Huwa ġej minn familja mużikali u midħla sew tal-ispettaklu li pproduċiet mużiċisti u kantanti bħalma huma Oscar Lucas, John Charles Lucas, Godwin u David Lucas, u Joe Cutajar.
Mark beda jistudja l-pjanu fl-età ta’ seba’ snin sakemm kiseb id-diploma tal-mużika ‘A.L.C.M’, u ta’ 13-il sena beda jdoqq il-pjanu f’diversi lukandi u avvenimenti varji. Għal diversi snin kien ukoll jifforma parti mill-orkestra tas-Surmast Joe Brown. Bħala kompożitur ħadem u kkollabora mill-qrib fuq bosta proġetti ma’ diversi mużiċisti u kantanti kemm lokali kif ukoll barranin, u pparteċipa f’diversi festivals kemm lokalment u anke lil hinn minn xtutna.
Uħud mis-siltiet li kkompona jinkludu, ‘She Gives Me Wings’ ta’ Klinsmann Coleiro, ‘Fejn Staħbejtli’ ta’ Ira Losco, ‘Hawn Siġġu Nieqes’ ta’ Cherise Attard u ‘Lil Binti’ li biha ħa sehem bħala kantawtur fl-ewwel edizzjoni ta’ ‘Mużika Mużika’. Huwa għalliem, kompożitur, mużiċist, arranġatur, kantant, kif ukoll produttur televiżiv u teatrali.
Emil Calleja Bayliss – Awtur
Emil Calleja Bayliss ilu jikteb il-lirika għall-kanzunetti għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu. Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta ‘Back To’ u minn hemm qatt ma ħares lura.
Hu kiseb l-ewwel post fil-festival ‘L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ’ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta ‘Dwell’ u fl-2019 bil-kanzunetta ‘Ħaġar Qim’, filwaqt li fl-2018 rebaħ il-festival ‘L-Għanja tal-Poplu’ bil-kanzunetta ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’.
Emil kiseb diversi suċċessi fil-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’ fejn fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta ‘Bħal Fjura’, fl-2018 bil-kanzunetta ‘Il-Pinna’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Nifs’. Fl-edizzjoni taż-żgħażagħ tal-istess konkors, Emil kiseb l-ewwel post fl-2019 bil-kanzunetta ‘Burdati’, fl-2020 bil-kanzunetta ‘Tfixkluniex, Tħawduniex’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Marelli Ma’.
Tliet kanzunetti miktuba minnu rrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’; ‘Dawra Tond’ fl-2017 ‘Marchin’ On’ fl-2018, u ‘Chasing Sunsets’ fl-2020. Kanzunetta li żgur li jibqa’ magħruf għaliha hija l-kanzunetta ‘Kewkba’ li kisbet it-tieni post fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ tal-2017.
Niżżel il-Lirika

Artist
Justine Shorfid

Kompożitur
Mark Spiteri Lucas
