Bernie & Pod ft. Fiona

Ħlomt Li

Kantant

Bernie & Pod ft. Fiona

Kompożitur

Matteo Depares / Bernard Bonnici

Awtur

Ivan Farrugia

Sinossi

Ħolma tibda minn ħalliem, u ħalliem li jieqaf joħlom jieqaf jgħix. Il-ħalliema ta’ binhar huma l-aktar nies perikolużi, għax se jaġixxu fuq il-ħolm b’għajnejn miftuħa bil-għan li jwettquhom.


Hekk se jagħmel l-awtur tal-kanzunetta ‘Ħlomt Li’, li se jeħodna f’destinazzjoni mhix magħrufa fejn il-personaġġi jinsabu jtiru ’l fuq qalb is-sħab. Minn dak l-għoli, ’il bogħod minn dawk li kienu qribhom jew parti minn ħajjithom, se jittawlu ’l isfel bħallikieku josservaw mingħajr ma jieħdu sehem. Donnu l-ħin t’hemm fuq waqaf għal ftit u l-awtur seta’ jara l-bnedmin, li moħħhom biss x’se jagħmlu għada, xahar ieħor, sena oħra, jgħixu fil-ġejjieni mingħajr ma jafu li qed jitilfu l-ħajja nnifisha, li tista’ tingħax biss fil-mument t’issa.


F’din il-ħolma l-awtur iħoss il-weġgħa ta’ ġenerazzjoni ffissata u maħkuma mit-teknoloġija u mill-midja soċjali li, saħansitra, qed tħawwad l-imħuħ u tkessaħ il-qlub. ‘Ħlomt Li’ hija l-ħolma ta’ ħafna, hija ħolma fejn l-awtur jixtieq jibqa’ jtir ’il fuq qalb is-sħab u, għad li ma jafx fejn sejjer, jaf li qed joqrob lejn ġonna bil-ward...

Kantant

Bernie & Pod 

L-isem tal-band Bernie & Pod tnissel mill-ismijiet u l-professjoni tal-membri tal-band – Bernie għal Bernard u Pod għall-professjoni ta’ Ivan, il-podjatrija. Bernard u Ivan ilhom jafu lil xulxin għal aktar minn 25 sena u fl-2014 iddeċidew li jagħmlu gig biex jinġabru fondi għat-tfal tas-Sorijiet tal-Ursolini. Minn hemm iddeċidew li jkomplu jikbru bħala band u fl-2015 ingħaqad magħhom Duncan bħala drummer. Ftit tax-xhur ilu ngħaqad ukoll Allen, il-bassist, sabiex jikkompleta l-band bin-noti uniċi u eċċezzjonali tiegħu. Bernie & Pod għandhom erba’ diski oriġinali tagħhom u bħala tim jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jipproduċu mużika innovattiva u unika, l-aktar bil-Malti. Ħadu sehem f’bosta festivals u avvenimenti lokali bħal Farsons Great Beer Festival, Rockestra, Birgu Fest, Rock the Fort u ħadu sehem anki mal-Malta Youth Orchestra fil-kunċert nazzjonali tal-Milied bil-kanzunetta oriġinali tagħhom ‘Int u Jien dal-Milied’. Bernie & Pod huma onorati li ħadu sehem fil-festival Mużika Mużika tal-2020 bid-diska “Ħudni lura” fejn ikklassifikaw fid-disa’ post.


Fiona

Tfalja bilqiegħda fuq banketta fuq palk, kitarra akustika f’ħoġorha u mikrofonu fuq l-istand u erħilha tkanta minn qiegħ qalbha….ħafna drabi hekk hija magħrufa. Sakemm ma tiddeċidix li tarma tkanta minn ġol-kċina tagħha waqt li qed ‘issajjar’ jew saħansitra titla’ fuq palk bil-mutur b’kollox.

Ilha fix-xena mill-ewwel sehem tagħhafil-Kanzunetta għall-Ewropa tal-1998 bid-diska “Same Time Tomorrow”, u bħal kull kantanta oħra, il-mira tagħha kienet li tagħmel isem u tiżviluppa l-imħabba li għandha għall-mużika. Ħadet sehem f’diversi Festivals oħra, kemm lokali kif ukoll barra minn Malta, u kien hawnhekk li skopriet verament il-valur tal-lingwa Maltija.


Fl-2009 rrappreżentat lill-Birgu fil-proġett ‘Oralities’ li ttella’ fi Spanja, fejn intalbet tkanta siltiet bil-Malti bħala kunċert tal-Ġimgha l-Kbira. L-interess li sabet dwar l-ilsien Malti mill-pubbliku li attenda dan il-kunċert ġegħelha tkattar l-imħabba għall-Malti. Minn hemm ’il quddiem, għalkemm ma kinux frekwenti ħafna, ħatfet kull okkazzjoni li kellha biex tagħmel rappreżentazzjonijiet bil-Malti, l-aktar waħda riċenti fl-2013, meta ħadet sehem fil-Festival Kanzunetta Maltija bil-kanzunetta “Għadek tgħix”.


Meta Bernie and Pod nedew id-diska ‘Ħelwa tal-Għaġeb’, kienu mistednin fuq programmtar-radju filgħodu kmieni u kienet kumbinazzjoni kbira li semgħetha u għoġbitha immens. Immedjatament ikkuntattjathom u eventwalment dan wassal ghal din l-avventura li se taqsam flimkien magħhom f’dan il-Festival.



Kompożitur

Matteo Depares 

Matteo huwa producer u kompożitur Malti bbażat f’Londra li jispeċjalizza fil-mużika pop. Matteo studja l-kompożizzjoni u l-produzzjoni fl-Università ta’ South Wales f’Cardiff, u ilu jaħdem f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Matul dan iż-żmien, ħadem fuq numru ta’ proġetti kbar, fosthom iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ Valletta 2018: Kapitali Ewropea għall-Kultura. Ix-xogħol tiegħu ma’ artisti fl-industrija Maltija wassal għal bosta chart placements u nominazzjonijiet għal premjijiet, inkluż dak ta’ Best Producer fl-LMAs tal-2019.

Uhud mill-kanzunetti li ħadem fuqhom jinkludu "Thunder" u "Pull Me Closer" ta’ Maxine, "Runaway" u "Dear God" ta’ Owen Leuellen u "Why Should I?" ta’ Gaia.

Matteo għandu għal qalbu ħafna l-mużika Maltija. Ilu jaħdem ma’Bernie & Pod għal dawn l-aħħar tliet snin u kien parti mit-team li pproduċa l-album "Għall-Bejgħ" ta’ Corazon, il-kanzunetti "Mument ta’ Skiet" u "Dak iż-Żmien" ta’ Hooli u r-rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu "Int u Jien" ta’ Marilyn Aquilina.


Bernard Bonnici

Bernard Bonnici, il-kitarrist tal-grupp Bernie & Pod, wera interess fil-mużika minn età żgħira, madanakollu beda jitgħallem il-kitarra meta kellu madwar ħmistax il-sena. Minn hemm qatt ma ħares lura. Mill-ewwel jiem li beda jistudja l-mużika, Bernard kien jipprova jsib modi differenti kif jirrekordja lilu nnifsu għax jemmen li meta mużiċist jisma’ l-muzika tiegħu stess irrekordjajta, tgħinu jikber mużikalment. Minn hemm Bernard telaq fi vjagg ta’ produzzjoni u kompożizzjoni tal-muzika u dejjem affaxxina ruħu kif il-muzika tista’ tieħdok fuq vjaġġi mużikali differenti. Meta flimkien ma’ Ivan Farrugia, ifforma l-band Bernie & Pod, Bernard ġie fdat bil-kompożizzjoni tal-mużika tal-kanzunetti oriġinali tal-band, fosthom “Ħelwa tal-Għaġeb”, “Qum, Dur u Iżfen”, “Nieqaf Ftit”, “Int u Jien dal-Milied” u l-kanzunetta li biha l-band Bernie & Pod ħadu sehem fil-festival Mużika Mużika s-sena l-oħra, “Ħudni Lura”.

Awtur

Ivan, il-frontman ta’ Bernie and Pod, daħal fix-xena tal-kompożizzjoni f’dawn l-aħħar ħames snin. Iben Paul, il-kitarrista tal-band popolari ‘The Followers’ fis-snin sebgħin, kiber jisma’ l-mużika ta’ missieru stess, u l-mużika Maltija dejjem ħalliet impatt tul ħajtu. Dejjem kellu għal qalbu l-poeżija, bil-Malti u anke bil-lingwa Ingliża, u fl-aħħar snin, meta fforma l-band ‘Bernie and Pod’, xtaq li l-poeżija jagħtiha l-ħajja permezz tal-mużika. Li tikteb bil-Malti u toħloq diska hija sfida għalih, però jemmen bis-sħiħ li kemm il-lirika u anke l-melodija jistgħu jterrquk fi vjaġġi meraviljużi, juruk mogħdijiet li qatt ma kont fihom, u jieħduk f’postijiet li kienu biss fil-ħolm ta’ kull wieħed u waħda minna.


Meta l-mużika tikkumplimenta l-lirika, tkun qiegħda tagħti sens ta’ sħuħija lill-kitba; sodisfazzjon uniku.

‘Qum, Dur u Iżfen’, ‘Int u Jien dal-Milied’, ‘Nieqaf Ftit’, ‘Ħudni Lura’ u ‘Ħlomt Li’ huma kollha kitba ta’ Ivan Farrugia.


Il-lirika ta’ Ivan tiffoka l-aktar fuq sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, minn stejjer ta’ mħabba għal sitwazzjoni ta’ riflessjoni fuqna nfusna u dak li jiġri madwarna. Fil-kitba ta’ Ivan il-lirika hija versatili, u għalhekk il-kanzunetta tista’ tirriżulta f’interpretazzjoni differenti għal kull wieħed u waħda minna. Dawk li jisimgħu u jaqraw il-lirika jistgħu jagħmluha tagħhom stess, l-istorja personali tagħhom u ta’ ħajjithom.

B'kollaborazzjoni ma'

Kantant

Kompożitur

Awtur

Bernie & Pod ft. Fiona

Matteo Depares / Bernard Bonnici

Ivan Farrugia

Ħlomt Li

Kantant

Bernie & Pod ft. Fiona

Kompożitur

Matteo Depares / Bernard Bonnici

Awtur

Ivan Farrugia