top of page

Ħolma ta' Mument

Ħolma ta' Mument

Sinossi

Din il-kanzunetta tiddeskrivi sitwazzjoni f’koppja fejn f’daqqa waħda parti minnhom ma tridx tkompli. Il-parti l-oħra bilkemm trid temmen. Hu jistaqsi lilu nnifsu jekk il-kliem tal-imgħoddi kinux kollha foloz. 

Hu jiddubita jekk din kinitx ħolma ta’ ftit sekondi li ntemmet qabel bdiet. Għalkemm perfett mhux, ma kienx jistena din it-tempesta għall-għarrieda. Wara żmien ta’ mħabba mhux faċli tgħid li issa ħbieb biss. Hu jħossu abbandunat.


Bijografiji


Artist – Dario Bezzina

Dario Bezzina twieled nhar l-20 ta’ Ġunju 1989. Hu beda jistudja l-pjanu u t-teorija tal-mużika minn età tenera ta’ 7 snin u wara beda jistudja l-vuċi għand il-kantanta veterana Doreen Galea. Dario pparteċipa f’diversi konkorsi lokali bħala kantant, awtur u kompożitur. Dawn jinkludu il-Malta Eurovision Song Contest, L-Għanja tal-Poplu, il-Konkors Kanzunetta Indipendenza u il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija.


Dario għandu għal qalbu t-teatru u ħa sehem f’diversi musicals li ttellgħu lokalment fosthom Sound of Music, Joseph and the Technicolor Dreamcoat, Cats, Matilda, il-Perit, Naħal tal-Imħabba u Żeża tal-Flagship.

Fil-ħin liberu tiegħu Dario jħobb isajjar u jżur pajjiżi u kulturi differenti. Sa issa, l-iktar destinazzjoni għal qalbu kienu il-gżejjer fl-Azores. 


Bħala professjoni Dario huwa accountant pubbliku u jaħdem bħala Chief Financial Officer f’kumpanija lokali. 

 

Kompożitur – Philip Vella

Minn età tenera, Philip tgħallem idoqq il-kitarra u ma tantx dam biex beda jinteressa ruħu fil-kitba tal-kanzunetti. Infatti, spiċċa biex kiteb diversi kanzunetti għal għadd ta’artisti Maltin, b’involviment kemm fil-produzzjoni, kif ukoll fir-recordings ta’ ħafna mill-albums ewlenin li ħarġu f’pajjiżna. Għaldaqstant, il-lum il-ġurnata, Philip huwa meqjus bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin f’pajjiżna. Rebaħ diversi kompetizzjonijiet mużikali b’materjal li huwa kkompona, fosthom; Mużika Mużika, Malta Eurovision Song Contest, il-Festival tal-Kanzunetta Maltija, u L-Għanja tal-Poplu. Fihom kiseb riżultati prestigjuzi, fosthom it-tieni post fil-Eurovision fis-sena 2002 bil-kanzunetta 7th Wonder. Ħa sehem b’suċċess f’ħafna festivals barra minn xtutna fejn kiseb riżultati prestiġjużi fosthom fi Franza, Olanda, Turkija, Bulgarija, Slovenja, Belġju u oħrajn. Iħobb ħafna lil raħal twelidu, il-Mellieħa u fuq inizzjattiva tal-Kunsill Lokali kiteb żewġ musicals fosthom El Mellaħa u ,aktar riċenti, Naħal tal-Imħabba.


Awtur – Joe Julian Farrugia

Joe Julian Farrugia huwa kittieb, xandar u awtur tal-lirika. Rebaħ għadd ta’ festivals lokali, fosthom il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija 2013 u Mużika Mużika fl-2021 u fl-2023. Fost festivals internazzjonali, rebaħ darbtejn il-festival internazzjonali Discovery li jsir fil-Bulgarija u l-festival Ti Amo tar-Rumanija ħames darbiet. Kiteb xogħlijiet għall-palk fosthom produzzjonijiet soċjali, ballata, pantomimi u musicals. L-aktar wieħed riċenti huwa Caravaggio The Musical. Kiteb il-korsinfoniku Elfejn u Tmintax li fetaħ uffiċjalment is-sena tal-Valletta 2018, u Malta The Place To Be, mini musical li rrappreżenta lil Malta fl-Expo ta’ Dubai. Ħareġ ħames kotba; erba’ b’bijografiji ta’ personaġġi Maltin u r-rumanz Strada Stretta. Beda fix-xandir fuq ir-radju fl-1993. Wara xi żmien qaleb għat-televiżjoni billi pproduċa, idderieġa u kiteb diversi programmi. Fost oħrajn, kien producer u kiteb il-maġġoranza tal-episodji ta’ Bijografiji. Kiteb ukoll għadd ta’ drama għat-televiżjoni, kif ukoll poemi għat-televiżjoni u r-radju. Illum ixandar il-programm għar-radju Joe Julian Filgħodu.

Artist

Kompożitur

Awtur

Dario Bezzina

Philip Vella

Joe Julian Farrugia

Artist

Dario Bezzina

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Joe Julian Farrugia

bottom of page