Ħudni Lura

Kantanti

Bernie & Pod

Kompożitur

Bernard Bonnici

Awtur

Ivan Farrugia

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Sinossi

Bernie & Pod 

L-isem tal-band Bernie & Pod tnissel mill-ismijiet u l-professjoni tal-membri tal-band – Bernie għal Bernard u Pod għall-professjoni ta’ Ivan, il-podjatrija. Bernard u Ivan ilhom jafu lil xulxin għal aktar minn 25 sena u fl-2014 iddeċidew li jagħmlu gig biex jinġabru fondi għat-tfal tas-Sorijiet tal-Ursolini. Minn hemm iddeċidew li jkomplu jikbru bħala band u fl-2015 ingħaqad magħhom Duncan bħala drummer. Ftit tax-xhur ilu ngħaqad ukoll Allen, il-bassist, sabiex jikkompleta l-band bin-noti uniċi u eċċezzjonali tiegħu. Bernie & Pod għandhom erba’ diski oriġinali tagħhom u bħala tim jagħmlu l-għalmu tagħhom sabiex jipproduċu mużika innovattiva u unika, l-aktar bil-Malti. Ħadu sehem f’bosta festivals u avvenimenti lokali bħal “Farsons Great Beer Festival”, “Rockestra”, “Birgu Fest”, “Rock the Fort” u ħadu sehem anki mal-Malta Youth Orchestra fil-kunċert nazzjonali tal-Milied bil-kanzunetta oriġinali tagħhom “Int u Jien dal-Milied”.


Bernard Bonnici 

Bernard Bonnici, il-kitarrista ta’ Bernie & Pod, beda minn ta’ età zgħira juri interess fil-mużika. Madanakollu, kien fil-bidu taż-żgħożija tiegħu li beda jattendi lezzjonijiet tal-kitarra. Minn dakinhar qatt ma ħares lura u waqt l-istudji tiegħu tal-kitarra dejjem prova jirrekordja lilu nnifsu għaliex emmen li meta tisma’ l-iżbalji tiegħek stess tkun tista’ taħdem biex issir aħjar.


Minn hemm beda jipproduċi u jikteb il-mużika hu stess u kien dejjem affaxinat mill-fatt kemm diska tista’ twasslek tassew fi vjaġġi differenti. Mill-ewwel produzzjonijiet ta’ Bernie & Pod, Bernard ġie inkarigat kemm bil-kompożizzjoni tal-mużika u kif ukoll, flimkiem ma’ producers professjonisti, fil-produzzjonijiet tad-diski tal-band.


Ivan Farrugia 

Ivan, il-frontman ta’ Bernie and Pod, daħal fix-xena tal-kompożizzjoni f’dawn l-aħħar erba’ snin. Iben Paul, il-kitarrista tal-band popolari tas-snin sebgħin “The Followers”, kiber jisma’ l-mużika ta’ missieru stess u l-mużika Maltija dejjem ħalliet impatt tul ħajtu. Li jikteb il-mużika bil-Malti, għal Ivan hija sfida, però jemmen bi sħiħ li tista’ tieħdok fi vjaġġi meraviljużi, turik triqat li qatt ma kont fihom u tieħdok f’postijiet li forsi ma ridtx iżżur aktar. Meta l-mużika tikkumplimenta l-lirika, allura tkun qiegħda tagħti sens ta’ sħuħija lill-kitba; sodisfazzjon uniku. Il-lirika ta’ Ivan tiffoka l-aktar fuq sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, minn stejjer ta’ mħabba għall-sitwazzjoni ta’ riflessjoni fuqna nfusna. Wieħed jista’ jinnota li fil-kitba ta’ Ivan il-lirika hija versatili, u għalhekk il-kanzunetta tista’ tirriżulta f’interpretazzjoni differenti għal kull wieħed minna. Dawk li jisimgħu u jaqraw il-lirika jistgħu jagħmluha tagħhom stess, l-istorja personali tagħhom, u ħajjithom.

Iż-żmien ma jistenna ‘l ħadd u għalkemm dan iż-żmien li ngħaddu minnu ngħixuh b’kull mod possibbli, dejjem nħarsu lura u ngħidu “Imma fejn mar dak iż-żmien? Fejn ħalliena? Ħudni lura… imma fejn? U għaliex?” “Ħudni Lura” hija bbażata fuq taħdita maż-żmien u x’kien għaddej matul iż-żmien. L-awtur, b’karba u b’sens ta’ melankolija, jiddjaloga maż-żmien u jsaqsih il-għala ħallieh, il-għala telaq b’ħeffa mingħajr ma stennieh, mingħajr ma ħallieh igawdi kemm xtaq dak li kien jgħożż f’ħajtu. Fil-kanzunetta “Ħudni Lura”, l-awtur joħroġ l-awtentiċità tal-mod ta’ kif jikteb billi jħalli l-libertà espressiva fil-lirika tiegħu. “Ħudni Lura” twasslek f’diversi sitwazzjonijiet immaġinabbli tal-ħajja, sew jekk hi storja bejn żewġ maħbubin sew jekk storja ta’ bejn iż-żmien u l-karba tal-awtur, li għex ħajtu jiġri wara il-ħin. F’din il-ħajja tant mgħaġġla ftit wisq napprezzaw iż-żmien u ma nintebħux li dak li jgħaddi ma jiġix lura. L-awtur jiġbor is-sens ta’ din id-diska fl-aħħar frażijiet fejn jgħid li ż-żmien ma jistenna ‘l ħadd u l-ebda karba mhi se twaqqfu.

Kantanti, Kompożiturti u Awturi