MARA

Aħjar Hekk Inkella Agħar

Kantant

MARA

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Emil Calleja Bayliss

Sinossi

Il-kanzunetta tgħaqqad elementi varji Maltin bi qwiel u taqbiliet popolari mal-Maltin. Kanzunetta pożittiva li tirrifletti wkoll il-karatteristiċi tal-grupp MARA. Fil-ħajja niltaqgħu ma’ diversi sfidi iżda hu importanti li dawn l-isfidi nħarsu lejhom b’mod pożittiv u nagħrfu s-sabiħ fihom ukoll – importanti li naraw it-tazza nofsha mimlija u mhux nofsha vojta. Il-lirika toħodna lura għal dak li kienu jgħidu missirijietna, kliem mimli għerf li jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqu jibqa’ relevanti sal-ġurnata tal-lum. Il-ħajja sabiħa wisq u hemm bżonn li napprezzaw il-ġmiel li din toffri, kemm fil-ħlewwa tagħha u kemm f’dawk il-mumenti kemxejn morri. Kollox importanti u dawn isawruna fil-persuni li aħna.

Kantant

Kif tistgħu timmaġinaw, il-grupp MARA huwa ffurmat minn 5 tfajliet: Annabelle, Ruth, Maria, Rachel u Alexia, li ġie ffurmat proprju bil-għan li jwassal messaġġ ta’ ferħ u pożittività permezz tal-kanzunetta bil-Malti, il-lingwa materna.


Il-membri ta’ dan il-grupp huma kollha mħarrġa bħala solisti. Tant hu hekk li bejniethom pparteċipaw f’xejn anqas minn 25 festival b’materjal oriġinali, inklużi: il-‘Malta Eurosong’, ‘L-Għanja tal-Poplu’ kif ukoll il-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’, li fih Annabelle, Maria, Rachel u Ruth kisbu suċċess fis-snin 2009, 2018, 2019 u 2020.


Alexia, iż-żgħira fost il-grupp, hija pjuttost ġdida għax-xena tal-mużika iżda titħarreġ fil-vuċi taħt il-gwida t’Annabelle, allura tistgħu taħsbu kemm hi eċitata li ħa tkun qiegħda tkanta fuq palk daqstant grandjuż magħha!


Fil-kanzunetta AĦJAR HEKK INKELLA AGĦAR, hi ħa tkun l-unika membru bi rwol doppju għaliex apparti li ħa tkanta, ħa tkun qiegħda wkoll ddoqq il-vjolin. Il-membri tal-grupp MARA huma kuntenti ferm li qegħdin jaħdmu flimkien, u jinsabu fuq ix-xwiek biex isemmgħulkom il-kanzunetta.

Kompożitur

Minn età tenera, Philip tgħallem idoqq il-kitarra u ma tantx dam ma beda jinteressa ruħu jikteb xi kanzunetta. Infatti, spiċċa biex kiteb diversi kanzunetti għal diversi artisti Maltin, b’involviment kemm fil-produzzjoni kif ukoll fir-rekordings ta’ ħafna mill-albums ewlenin li ħarġu f’pajjiżna.


Għaldaqstant, illum il-ġurnata, Philip huwa meqjus bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin f’pajjiżna. Rebaħ diversi kompetizzjonijiet mużikali b’materjal li huwa kkompona, fosthom: il-Malta Eurovision Song Contest; il-Festival tal-Kanzunetta Maltija; L-Għanja tal-Poplu u l-ewwel edizzjoni tal-festival prestiġġjuz MUŻIKA MUŻIKA. Kiseb riżultati prestiġġjużi fosthom it-tieni post fil-Eurovision Song Context fis-sena 2002 bil-kanzunetta “7th Wonder”. Ħa sehem b’suċċess f’ħafna festivals barra minn xtutna fejn kiseb riżultati prestiġġjużi fosthom fi Franza, l-Olanda, it-Turkija, il-Bulgarija, is-Slovenja, il-Belgju u oħrajn.


Iħobb ħafna lil raħal twelidu, il-Mellieħa, u fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali kiteb żewġ musicals: El Mellaħa u aktar riċenti, Naħal tal-Imħabba.

Awtur

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali kif ukoll barra minn xtutna.


Kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu immens. Emil rebaħ L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta Dwell u fl-2018 bil-kanzunetta Ħaġar Qim. Fl-2018 irnexxielu jirbaħ il-festival l-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Mhux Kulma Jleqq Deheb.


Emil kiseb diversi suċċessi fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza; fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta Bħal Fjura, fl-2018 bil-kanzunetta Il-Pinna u fl-2021 bil-kanzunetta Nifs filwaqt li rebaħ it-talent ġdid erba’ darbiet.


Emil rebaħ il-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior fl-2019 bil-kanzunetta Burdati, fl-2020 bil-kanzunetta Tfixkluniex, Tħawduniexu fl-2021 bil-kanzunetta Marelli Ma. Hu rrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest tliet darbiet; fl-2017 bil-kanzunetta Dawra Tond, fl-2018 bil-kanzunetta Marchin’ On u fl-2020 bil-kanzunetta Chasing Sunsets.

Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta Back To u minn hemm qatt ma ħares lura. Kanzunetta li żgur li jibqa’ magħruf għaliha hija l-kanzunetta Kewkba li kisbet it-tieni post fil-Malta Eurovision tal-2017.

B'kollaborazzjoni ma'

Kantant

Kompożitur

Awtur

MARA

Philip Vella

Emil Calleja Bayliss

Aħjar Hekk Inkella Agħar

Kantant

MARA

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Emil Calleja Bayliss