
Sinossi
Il-kanzunetta “BINTI” titratta dwar l-imħabba unika ta' bejn il-missier u bintu. Tesprimi b'mod partikolari s-sentimenti tagħhom fil-jum li l-bint tiżżewweġ u tkun se tibda ħajja ġdida mal-maħbub tagħha. Għaldaqstant teħodna fuq vjaġġ t'emozzjonijiet min-naħa tat-tnejn li jirriflettu r-rabta speċjali ta' bejn il-missier u l-bint. Minkejja l-kapitlu ġdid li se jibda ma' dan il-pass tant importanti, l-imħabba li nżergħet matul is-snin wasslet għal dak li l-ħajja qed tippreżenta llum u għaż-żmien li ġej. Imħabba ta' missier u bint, li jiġri x'jiġri, tibqa’ għal dejjem.
Hija kanzunetta li ħafna jistgħu jirrelataw magħha, anki f'irwoli differenti, u li titrasmetti emozzjoni lil kull min jismagħha.
Janvil
Ian James Vella, magħruf aktar bħala J Anvil, twieled fl-4 ta' Awwissu tal-1975 f’Ħ’Attard. Ian irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola St Benild u l-Kulleġġ Stella Maris, u bħalissa qed jaħdem bħala full-time Entertainer. Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal, Jade Marie Vella u Craig Roy Vella.
Il-familja hija ferm għal qalb Ian imma daqstant ieħor huma l-mużika u d-dinja tal-ispettaklu. Oriġinarjament Ian beda bħala żeffien, f’età tenera ħafna, fejn kellu wkoll opportunitajiet li jirrapreżenta lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet fosthom f'Weymouth, fir-Renju Unit, u l-Italja.
Il-karriera tal-kant tiegħu bdiet fl-2004 u kien proprju fl-2005 meta Ian iddeċieda li jipparteċipa fil-“Malta Eurovision Song Contest” bil-kanzunetta “YOU”, kompożizzjoni ta' Augosto Cardinali, lirika ta' Giovann Attard, li intgħażlet fost aktar minn mitt kanzunetta oħra u kienet waħda mit-22 finalisti.
Matul is-snin ipparteċipa f'diversi festivals fejn f'ħafna minnhom huwa ikklassifika fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post.
Mill-2017 sal-lum, Ian jippreżenta u joffri divertiment flimkien mal-band Spiteri Lucas fil-programm televiżiv “The Entertainers”, l-aktar programm segwit f'Malta s-Sibt filgħaxija.
Jade Vella
Jade Vella, twieldet fl-24 ta' Settembru tas-sena 2000. Kantanta żagħżugħa b’talent kbir, kif ukoll żeffiena. L-ispirazzjoni tagħha bdiet minn ta' età żgħira u mxiet wara l-passi ta' missierha Ian James Vella, kantant u żeffien stabbilit.
Jade għadha kemm lestiet l-eżamijiet tal-vuċi 'Trinity Rock and Pop’ taħt id-direzzjoni tas-Sur Glen Vella minn Vocal Booth Studios. Hija diġà ħadet sehem f’festivals u kunċerti lokali kbar kif ukoll f’kompetizzjonijiet internazzjonali fosthom fejn ġiet ikklassifikata fl-ewwel post ġewwa r-Rumanija, fl-2015. Kellha wkoll l-opportunità li titla’ mar-rebbieħa tal-“Malta Junior Eurovision Song Contest” tal-istess sena bħala backing vocalist kif ukoll żeffiena f'Belarus.
Is-suċċess tagħha kompla jiżdied meta meta fl-2017 kienet waħda mill-finalisti tal-“Malta Eurovision Song Contest” bil-kanzunetta “Seconds Away”. Fl-2018 Jade irnexxielha tasal sal-Judges' Houses fl-ewwel edizzjoni ta' “X Factor Malta”, fejn minn hemm hija kompliet tikber fil-karriera mużikali tagħha.
Sena wara, kienet ukoll waħda mill-finalisti fil-festival ta' “L-Għanja tal-Poplu” bil-kanzunetta “Ħallini Nħobbok”, li kienet proprju l-ewwel kanzunetta tagħha bil-Malti. Il-messaġġ ta' Jade lis-segwaċi tagħha huwa li qatt m'għandhom jaqtgħu qalbhom għaliex bid-determinazzjoni kulħadd kapaċi jasal fejn irid jasal.
Richard Micallef
Richard Micallef, imwieled fl-1982, huwa kantawtur, produttur u multi-strumentalista Malti. Missieru Joe George Micallef (ukoll artist popolari Malti) u Ommu Diane Micallef (ex żeffiena) kellhom rwol importanti fl-edukazzjoni mużikali ta’ Richard. Fil-passat, Richard kiteb ħafna kanzunetti kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.
Uħud mill-kanzunetti tiegħu li kisbu l-aktar suċċess jinkludu:
“Coming Home” – Firelight, il-kanzunetta rebbieħa tal-“Malta Eurovision Song Contest” tal-2014, li daħlet ukoll fiċ-charts tal-iTunes fi ħmistax-il pajjiż differenti.
“Finally” - Richard Edwards, ikklassifikat fit-tieni post fil-“Malta Eurovision Song Contest” tal-2011.
“You make me whole” - Ivar Daniels, ikklassifikat fit-tmien post fis-semi finali ta’ “Söngvakeppnin 2019”, selezzjoni għall-Eurovision tal-Islanda.
“Song for Dad” - Richard u Joe George, ikklassifikat fit-tieni post fil-“Malta Eurovision Song Contest” tal-2018.
“Talk Dirty” - Firelight mill-Firelight album żammet fil-quċċata tal-klassifika f’Malta għal sitt ġimgħat konsekuttivi.
Richard iqatta' ħafna mill-ħin tiegħu jikteb kanzunetti għalih innifsu u għal artisti lokali u internazzjonali oħra. Huwa jirrekordja, jipproduċi u jikkomponi kanzunetti fir-recording studio tiegħu “Rimshoot Studio”.
Roberta Magri
Roberta Magri, twieldet fis-sena 1990. Direttriċi u editriċi ta' “skoperta.net”. Sit elettroniku li qed jikseb suċċess kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Il-passjonijiet tagħha huma l-ġurnaliżmu, kitba, drama u mużika.
Għamlet sena u nofs bħala kontributriċi mar-rivista Gwida bejn l-2017 u l-2018. Bħala attriċi kellha partijiet żgħar fis-sensiliet “F'Salib it-Toroq”, “Iċ-Ċaqqufa”, u “Qalb in-Nies”, u partijiet ikbar “f'Tereża” u “Santa Monika”.
Ħadet sehem ukoll f'vidjo mużikali tal-kantant lokali Sebastian Calleja. L-imħabba għall-mużika kienet minn dejjem, għaldaqstant Roberta sabet mod kif tgħaqqad il-passjoni tagħha tal-mużika kif ukoll dik tal-kitba flimkien. Temmen li dan hu mod ta' kif tesprimi l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet tagħha.
Bdiet b'kollaborazzjonijiet mal-kantawtur Richard Micallef u minn hemm 'l quddiem kompliet tevolvi tant li llum-il ġurnata waħda mill-aspirazzjonijiet tagħha hija li tkompli tikteb u tikkollabora ma' aktar awturi lokali.