Festivals Malta

13, Europa Centre,

John Lopez Street, Floriana FRN1400, MALTA

© 2020 Mużika Mużika by Festivals Malta

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Fjamma

Kantant

Fabrizio Faniello

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Emil Calleja Bayliss

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Sinossi

Fil-ħajja wieħed dejjem ħa jiltaqa’ ma’ diversi sfidi. Sfidi li ġġib magħha l-ħajja lil kull wieħed u waħda minnha. Sfidi li jkollna bżonn niġġildulhom ilkoll. Dawn l-isfidi ta’ min ikunu jidhru kbar u ta’ min ikunu iżgħar. Iżda lkoll sfidi li rridu naffrontaw.


F’din il-kanzunetta naraw li fit-tarf   tat-triq dejjem ħa nsibu d-dawl. Dawl li f’din il-kanzunetta huwa rrappreżentat minn fjamma. Fjamma li b’mod viżiv hija rrappreżentata   mix-xemx; ix-xemx li tfeġġ mas-sebħ ta’ jum ġdid li magħha ġġib tamiet ġodda. Iżda din il-fjamma tista’ wkoll tkun irrappreżentata fil-qalb ta’ kull   individwu li jemmen li hemm tama.


Fjamma li jiġri x’jiġri kapaċi tkebbes mill-ġdid l-imħabba lejn il-ħajja biex wieħed igawdi l-valur vera tagħha u jibqa’ miexi fit-triq it-tajba. Fil-ħajja niltaqgħu ma’ diversi persuni li   jservu ta’ anġli kustodji f’ħajjitna u ġeneralment dawk li esperjenzaw il-ħajja kapaċi jagħtuna perspettiva imprezzabbli.


Imprezzabbli tant li kliemhom għandu jibqa’ jidwi biex il-fjamma ġewwa qalbna tibqa’ tnin, f’kull waqt... f’kull ħin.

Fabrizio Faniello

Fabrizio Faniello twieled fil-Furjana   fl-1981 u rrappreżenta lil Malta fil-“Eurovision Song Contest” fl-2001 bid-diska “Another Summer Night” u fl-2006 bis-silta “I Do”.


Għalkemm is-suċċessi ta’ Fabrizio ġew l-aktar f’pajjiżna, hu ħareġ numru ta’ singles u albums f’pajjiżi Ewropej u saħansitra fl-2005 għamilha mal-ewwel 10 bil-kanzunetta “I’m In Love” ġewwa l-Iżvezja. Kanzunetta li spiċċat ħarġet f’aktar minn 30 pajjiż u waslet fil-klassifiċi ta’ numru ta’ pajjiżi Ewropej u anke pajjiżi Asjatiċi. Fl-2010, Fabrizio saħansitra rċieva l-unur tal-Ambaxxatur tas-sena fl-Indoneżja.


Lura lejn pajjiżna, fl-1999 Fabrizio   rebaħ il-“Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta   Maltija” bil-kanzunetta “Sal-Aħħar” li għadha popolari sal-lum il-ġurnata; filwaqt li fl-2013 hu rebaħ il-“Konkors Kanzunetta Indipendenza” bid-diska “Aħfirli Jekk Trid”.


Barra minn dawn l-unuri, Fabrizio rebaħ ukoll l-unur tal-aqwa kantant maskili f’pajjiżna għal darbtejn. Fl-2018 hu   ħareġ is-sitt album tiegħu li jinkludi s-single popolari “Life Goes On”. Fl-2019 ippreżenta l-kanzunetta “Dawl Għajnejja” fil-festival “L-Għanja   tal-Poplu”. Fl-2020, waqt il-pandemija   tal-Coronavirus, għamel parti mit-tim “Ibqa’   Ġewwa” li kien qed idur it-toroq ta’ Malta u jallegra lill-poplu Malti f’dawn iż-żminijiet.



Philip Vella

Minn eta’ tenera, Philip tgħallem idoqq il-kitarra u ma tantx dam ma beda jinteressa ruħu jikteb xi kanzunetta. Infatti, spiċċa biex kiteb diversi kanzunetti għal diversi artisti Maltin, b’involviment kemm fil-produzzjoni kif ukoll fir-rikordings ta’ ħafna mill-albums ewlenin li ħarġu f’pajjiżna.


Għaldaqstant, illum-il ġurnata, Philip   huwa meqjus bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin f’pajjiżna. Rebaħ diversi kompetizzjonijiet mużikali b’materjal li huwa kkompona, fosthom: “Malta Eurovision Song Contest”; “Festival   tal-Kanzunetta Maltija”; “L-Għanja tal-Poplu” u “L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ”. Kiseb riżultati prestiġjuzi fosthom it-tieni post fis-sena 2002 bil-kanzunetta “7th Wonder”. Ha sehem b’suċċess f’ħafna festivals barra minn xtutna fejn kiseb riżultati prestiġjużi   fosthom fi Franza, Olanda, Turkija, Bulgarija, Slovenja, Belġju u oħrajn.


Iħobb ħafna lil-raħal twelidu, il-Mellieħa u fuq inizzjattiva tal-Kunsill Lokali kiteb żewġ musicals fosthom: “El Mellaħa” u aktar riċenti, “Naħal tal-Imħabba”.


Emil Calleja Bayliss

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali kif ukoll barra minn xtutna.


Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu   għal qalbu mmens. Emil rebaħ “L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ” bħala awtur fl-2017   bil-kanzunetta “Dwell” u fl-2018 bil-kanzunetta “Ħaġar Qim”. Fl-2018 irnexxielu jirbaħ il-festival “L-Għanja tal-Poplu” bil-kanzunetta “Mhux Kulma Jleqq Deheb”.


Emil kiseb diversi suċċessi fil-“Konkors Kanzunetta Indipendenza”; fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta “Bħal Fjura” u fl-2018 bil-kanzunetta “Il-Pinna”  filwaqt li rebaħ it-talent ġdid erba’ darbiet; fl-2014, fl-2016, fl-2017 u   fl-2018.


Emil rebaħ il-“Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior” fl-2019 bil-kanzunetta “Burdati” u fl-2020 bil-kanzunetta “Tfixkluniex, Tħawduniex”. Hu rrappreżenta lil Malta fil-“Junior Eurovision Song Contest” tliet darbiet; fl-2017 bil-kanzunetta “Dawra Tond”, fl-2018 bil-kanzunetta “Marchin’ On”  u fl-2020 bil-kanzunetta “Chasing   Sunsets”.


Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2015 bil-kanzunetta “Back   To” u minn hemm qatt ma ħares lura. Żewġ   kanzunetti li żgur li jibqa’ magħruf għalihom huma “Poeta Bla Kliem” li kisbet it-tieni post fil-“Festival Kanzunetta Maltija” fl-2013 u l-kanzunetta “Kewkba” li kisbet it-tieni post fil-“Malta Eurovision Song Contest” fl-2017.