top of page

Flimkien

Flimkien

Sinossi 

Il-kazunetta ‘Flimkien’ titkellem dwar il-mużika u dwar kif din tagħmel il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha aħjar. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni li wieħed ikun għaddej minnha, kanzunetta tista’ tbiddel il-moral ta’ dak li jkun. Il-mużika tferraħ u l-messaġġ ta’ ‘Flimkien’ jitkellem dwar kif il-kantanti jixtiequ jwasslu xi ftit minn dan il-ferħ lil dawk kollha li qed jisimgħu l-kanzunetta.

Għal din il-kanzunetta ingħaqdu ħamest iħbieb, ilkoll mużiċisti u kantanti magħrufa, li għalihom il-mużika tfisser kollox. 


Bijografiji

CODA – Artist

L-Grupp CODA tnieda fl-2022 u huwa kompost minn ħamest iħbieb li huma kollha mużiċisti jew kantanti stabbiliti f’ġeneri mużikali differenti. L-għan kien li joħolqu stil ta’ mużika unika fejn kull individwu fil-grupp iħossu komdu li joħroġ l-istil tiegħu.


Il-ħbiberija u r-rispett li hemm bejn il-membri tal-grupp jinstema’ ċar kull meta CODA jdoqqu u jkantaw flimkien, ingredjent, li jagħmel il-mużika tagħhom dik li hi: diretta, onesta u li tilħaq lil dawk kollha li jsegwuhom. Il-membri tal-grupp huma Paul Giordimaina, Andrew Zammit, Mark Tonna, Edward Ellul, u Ian Vella, magħruf bħala J Anvil.


Paul Giordimaina kien irrappreżenta lil Malta bħala kantant fil-‘Eurovision Song Contest’ fl-1991 u bħala kompożitur fl-2011. Huwa wkoll pjanist magħruf fil-ġeneru mużikali tal-jazz. Andrew Zammit ħa sehem f’diversi musicals u festivals bħala kantant u kompożitur. Mark Tonna ħa sehem f’diversi festivals u musicals bi produzzjoni lokali. Edward Ellul huwa kantant u mużiċist fil-band ‘The Residents’ kif ukoll idoqq man-‘Noir Jazz Project’. J Anvil huwa magħruf għall-parteċipazzjoni tiegħu f’bosta festivals, musicals, u attivitajiet mużikali oħra.


Dawn il-kantanti ingħaqdu flimkien għall-festival ‘Mużika Mużika’ b’kanzunetta li tferraħ, li tagħti pjaċir, u li bosta jistgħu jifirħu u jkantaw magħha.



Paul Giordimaina – Kompożitur 

Paul Giordimaina beda jistudja il-pjanu mill-età ta’ ħames snin. Il-karriera tiegħu bħala mużiċist bdiet mill-età ta’ 16-il sena meta beda jdoqq il-pjanu u jkanta fil-clubs u hotels lokali bħala professjoni, ħaġa li għadu jagħmilha sal-lum. Bħala kantant kellu ħafna suċċessi, kemm lokali u kemm barra minn Malta, ġo festivals prestiġjużi bħall-‘Eurovision Song Contest’ tal-1991, meta f’Ruma flimkien ma’ Georgina ġew fis-sitt post bil-kanzunetta ‘Could It Be’.


Bħala kompożitur, Paul ukoll kellu l-istess suċċessi, kemm lokali u f’għadd ta’ festivals barra minn Malta bħall-‘Euovision Song Contest’ tal-2011 f’Dusseldorf, il-Ġermanja u fir-Rumanija meta rebaħ il-‘Golden Stag Festival’, u oħrajn f’diversi pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Kazakhstan, u Spanja.


Minbarra l-kompożizzjoni u l-kant, Paul għandu għal qalbu ħafna l-mużika jazz fejn ukoll kellu x-xorti, grazzi għal festivals bħall-‘Malta Jazz Festival’, li jdoqq ma’ wħud mill-aqwa mużiċisti lokali u barranin ta’ fama internazzjonali. F’Marzu tal-2020 Paul ħareġ solo album bil-pjanu bit-titlu ‘Voyages’ u bħalissa qiegħed jaħdem fuq album ieħor fuq ġeneru jazz.



Fleur Balzan – Awtur 

Fleur Balzan hija magħrufa bħala awtriċi u bħala preżentatriċi fuq it-televiżjoni Maltija għal bosta snin. Fleur ilha tikteb il-lirika għall-mużika ta’ Paul Giordimaina mill-1995. Flimkien huma kitbu lirika għal bosta kantanti magħrufa lokalment, inkluż għal Paul Giordimaina stess, u kellhom ukoll l-opportunità li flimkien ma’ dawn il-kantanti jirrappreżentaw lil Malta f’festivals u kunċerti f’bosta pajjiżi. Fl-2011 il-kanzunetta ‘One Life’ b’lirika ta’ Fleur u Paul Giordimaina, irrappreżentat lil Malta fil-‘Eurovision Song Contest’ u fl-2004 huma rebħu l-festival internazzjonali ‘Golden Stag’.


Bħala awtriċi, Fleur tħobb tikteb fuq temi soċjali u sitwazzjonijiet reali li ħafna jgħaddu minnhom, u li bosta jassoċjaw magħhom. Minbarra li hi awtriċi, Fleur tipproduċi programmi televiżivi għal stazzjonijiet differenti, fosthom il-programm ‘Wheelspin’ li kien ilu għaddej għal għoxrin sena. Dan l-aħħar, minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19, Fleur kellha twaqqaf il-programm għaliex hi wkoll tmexxi n-negozju tal-familja tagħha li jinkludi dar għall-anzjani.


Niżżel il-Lirika
FLIMKIEN - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 155KB

Artist

Kompożitur

Awtur

CODA

Paul Giordimaina

Fleur Balzan

Artist

CODA

Kompożitur

Paul Giordimaina

Awtur

Fleur Balzan

bottom of page