
Sinossi
“Għajjejt Inħobb” hija l-istorja ta’ raġel li għaddej minn abbuz emozzjonali fiż-żwieġ. Raġel li ilu snin isofri nuqqas ta’ rispett minn martu, fejn dak li jagħmel mhux biss mhux apprezzat, imma jitpatta b’tgħajjir u umiljazzjonijiet. Flok iħossu maħbub, jiġi mġiegħel iħossu ħati. Għala jissemmew biss id-difetti tiegħu u qatt ma jingħata kliem ta’ tifħir u apprezzament, anzi jiġi akkużat anki b’affarijiet li m’għamilx? Bi dmugħ li ma jara ħadd, jiftakar fiż-żmien tant sabiħ tal-bidu u jistaqsi kif inbidel kollox, kienx qatt maħbub verament. Jixtieq jerġa’ jikseb il-paċi imma qata’ qalbu u jħossu ma fadallux iktar x’jagħti. X’fadallu jagħmel biex ikun ċert li għamel ħiltu kollha? Kemm se jdum ibati fis-silenzju, ħabsi f’daru stess? X’jista’ jagħmel iżjed issa li qata’ qalbu anki milli jħobb?
Christian Arding
Christian Arding għandu 36 sena u huwa kantant u mużiċist li beda il-karriera tiegħu minn l-eta’ ta’ 10 snin fil-qasam tal-kant. Huwa ħa sehem ukoll f’ diversi konkorsi tal-kant bħal “Indi Fest”, “L-Għanja tal-Poplu”, “Kanzunetta Għall-Ewropa” u aktar attivitajiet oħrajn bħala kantant u mużiċist. Huwa wkoll missier ta’ tlett subien, Cayden ta’ 16 il-sena, Craig ta’ 10 snin u Zekiel ta’ 6 snin.
Christian beda il-karriera fil-mużika minn l-eta’ ta’ 6 snin. L-ewwel instrument li beda jitgħallem kien il-pjanu imbagħad kompla jifrex it-talent tiegħu billi kompla jistudja il-mużika u firex is-selezzjoni ta’ instrumenti li jispeċjalizza fihom. Aktar tard fil-karriera tiegħu Christian studja ukoll fuq sound engineering u għalek illum -il ġurnata huwa jista’ jgħid illi ħadem ukoll bħala sound engineer ġewwa diversi studios Maltin kif ukoll barra minn Malta sakemm kabbar l-esperjenza fl-istess qasam ta’ mużika u sound engineering.
Matul il-karriera tiegħu Christian kellu ukoll partijiet kbar fi musicals ġewwa Malta sa minn l-eta’ ta’ 11 il-sena. Christian kellu karriera fuq l-istazzjonijiet lokali bħala kantant u mużiċist residenti fi programmi renomati li nħadmu kemm Malta u kif ukoll Għawdex.
Gilbert Bibi Camilleri
Gilbert Bibi Camilleri mgħaruf bħala “il-Bibi”, twieled fit-23 ta’ Lulu 1979 minn familja ta’ mużiċisti. In-nannu Frank Camilleri li ukoll kien mgħaruf bħala “il-Bibi”, kien pjanista li kien beda jdoqq fi Strada Stetta meta kellu 14 -il sena u kien pijunier fil-mużika Jazz f’pajjiżna. Missier Gilbert, Joseph Camilleri, ukoll magħruf bħala “il-Bibi”, kien mużiċist mal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bħala prim perkussjonist. Ħu Gilbert, Joseph Camilleri Junior huwa wkoll mużiċist li studja l-Ingilterra fuq mużika kontemporanja.
Gilbert beda jitgħallem il-pjanu ta’ 7 snin mal-Professur Charles Zammit. Fis-sena 1994 ħa sehem fil-Festival “L-Għanja tal-Poplu” bħala kompożitur bil-kanzunetta “Ġewwa Pace Ville” fuq kliem ta’ Vince Zammit u l-kantant Paul ‘Bibi’ Camilleri li rebħet l-aħjar lirika u l-aqwa tema soċjali.
Fl-1998 ġie fl-ewwel post waqt festival imtella’ mill-G.W.U bil-kanzunetta li kkompona hu stess “Tlaqt mal-Mewġ” fuq lirika u kant ta’ Bernice Camilleri. Fl-2006 ġie fit-tielet post fil-festival tal-G.W.U bil-Kanzunetta “Fjamma ta’ Mħabba” fuq lirika ta’ Vince Zammit u kant ta’ Chantal Michel.
Kiteb bosta kompożizzjonijiet personali u għal diversi short films u anke għal diversi trailers ta’ kotba Maltin fosthom tal-awtur Gino Lombardi.
Gilbert huwa wkoll mużiċist mal-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta bħala prim pjanist u perkussjonist.
Rita Pace
Rita Pace kantantawtriċi li tikteb għaliha u għal ħaddieħor. Ipparteċipat f'konkorsi, serati kulturali u kunċerti f’Malta u anki barra, kif ukoll f'workshops dwar kitba u interpretazzjoni. Rebħet festivals f’Malta u anki f’pajjiżi oħra. Għalkemm studjat il-kant klassiku, tesperimenta b’kull stil.
Ġiet it-tielet fil-Festival “L-Għanja tal-Poplu” diversi drabi u rebħet l-Aqwa Lirika b’Tema Soċjali sitt darbiet. Ġiet it-tielet “fil-Festival Kanzunetta Maltija” bis-silta “Solitaire”, u rebħet festivals u premji għall-aqwa lirika bit-Taljan fi tlett festivals fl-Italja. Ġiet fl-ewwel 3 postijiet ukoll fil-festivals “Eurovision Song Contest”, “Għaqda l-Melodija”, “L-Għanja tal-Poplu”, “KKI” u “KKI junior”, u “Malta Summer Hits”, fost l-oħrajn.
Rebħet “L-Għanja tal-Poplu” bis-silta "Jien Ma Naħdimx”. Fl-aħħar edizzjoni ikklassifikat it-tieni bil-kanzunetta “SANT’ANTNIN”, kliem u kompożizzjoni tagħha. Kitbet diversi singles u siltiet f’albums għal kantanti Maltin u barranin u għal għaqdiet volontarji. Bħalissa qed taħdem ukoll ma’ bands heavy metal. Togħġobha l-mużika folkloristika u pparteċipat f’serati ta’ world music f’Malta u barra minn pajjiżna.