Festivals Malta

13, Europa Centre,

John Lopez Street, Floriana FRN1400, MALTA

© 2020 Mużika Mużika by Festivals Malta

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Għal Dan il-Lejl

Kantanta

Charisse Anne Vassallo

Kompożitu

Mark Spiteri Lucas

Awtur

Emil Calleja Bayliss

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Sinossi

L-imħabba fiż-żgħożija hija mħabba li tinħass bħal dik tal-kotba u tal-films, imħabba li taħseb li teżisti biss fil-ħolm. Iżda s-sentimenti tagħha huma wisq sbieħ li meta tkun qed tgħixhom ma’ persuna speċjali ma tkunx tixtieq li jispiċċaw!


Fil-kanzunetta t-tfajla tesprimi x-xewqat tagħha li tqatta’ l-bqija ta’ ħajjitha flimkien ma’ dan il-ġuvni iżda fir-relazzjoni jidher li hemm xkiel. Xkiel li qed iżommhom ’l bogħod minn xulxin f’kull waqt u f’kull ħin. Iżda għal dan il-lejl ħa jwarrbu dan ix-xkiel u jkunu biss ta’ xulxin.


It-tfajla tant tħossha speċjali din ir-rabta li titlob lill-ġuvni sabiex jaħarbu flimkien fejn ikunu jistgħu jgħożżu lil xulxin għal dejjem bla problemi ta’ xejn. L-imħabba tagħhom hi waħda tant b’saħħitha li l-aktar ħaġa importanti f’għajnejn it-tfajla hi li jkunu flimkien u xejn aktar. Kull koppja taffaċċja sfidi quddiemha u jidher li dawn iż-żewġ maħbubin għandhom min qiegħed ixekkilhom biex iż-żerriegħa tal-imħabba ma tinbitx sabiex ma tkomplix tikber u tiffjorixxi.

Charisse Anne Vassallo

Charisse Anne Vassallo twieldet fit-23 ta’ Jannar fl-2004 u hija tgħix u trabbiet ġewwa l-Mosta. Hija bdiet tipprattika l-kant ta’ għaxar snin, għalkemm kienet ilha turi passjoni kbira   għall-kant minn età ħafna iżgħar.


F’dawn l-aħħar sitt snin li ilha tkanta, Charisse ħadet sehem f’bosta kompetizzjonijiet televiżivi fosthom “San Remo Junior” fl-2017, fejn kisbet it-tielet post, f’ “XFactor Malta” fl-2019 u kif ukoll f’ “L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ” fl-2018 u “L-Għanja tal-Poplu” fl-2020 fejn fit-tnejn li huma kisbet post fil-finali.

Charisse spiċċat l-iskola sekondarja fl-2020 u issa qiegħda fl-ewwel sena tal-post-sekondarja fl-iskola ta’ San Alwiġi fejn hi qed tistudja l-bijoloġija u l-kimika bl-iskop li tkompli fuq il-mediċina fl-Università ta’ Malta u l’quddiem tilħaq ix-xewqa tagħha li   ssir kirurgu tal-qalb.


Mark Spiteri Lucas

Mark Spiteri Lucas twieled fit-22 ta’ Ġunju 1977. Huwa ġej minn familja mużikali u midħla sew tal-ispettaklu li pproduċiet mużiċisti u kantanti, bħalma huma Oscar Lucas, John Charles Lucas,   Godwin u David Lucas kif ukoll Joe Cutajar.


Beda jistudja l-pjanu fl-età ta’ seba’ snin, sakemm kiseb id-diploma tal-mużika A.L.C.M u ta’ tlettax-il sena beda jdoqq il-pjanu f’diversi lukandi u avvenimenti varji. Għal diversi snin kien ukoll jifforma parti mill-orkestra tas-surmast Joe Brown.


Bħala kompożitur ħadem u kkollabora mill-qrib fuq diversi proġetti ma’ diversi mużiċisti u kantanti kemm lokali kif ukoll barranin u pparteċipa f’diversi festivals kemm lokalment u anke lil’hinn minn xtutna.


Huwa għalliem, kompożitur, mużiċist, arranġatur, kantant, producer televiżiv u teatrali.


Emil Calleja Bayliss

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali kif ukoll barra minn xtutna.


Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu mmens. Emil rebaħ “L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ” bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta “Dwell” u fl-2018 bil-kanzunetta “Ħaġar Qim”. Fl-2018 irnexxielu jirbaħ il-festival “L-Għanja tal-Poplu” bil-kanzunetta “Mhux Kulma Jleqq Deheb”.


Emil kiseb diversi suċċessi fil-“Konkors Kanzunetta Indipendenza”; fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta “Bħal Fjura” u fl-2018 bil-kanzunetta “Il-Pinna” filwaqt li rebaħ it-talent ġdid erba’ darbiet; fl-2014, fl-2016, fl-2017 u fl-2018.


Emil rebaħ il-“Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior” fl-2019 bil-kanzunetta “Burdati” u fl-2020 bil-kanzunetta “Tfixkluniex, Tħawduniex”. Hu rrappreżenta lil Malta fil-“Junior Eurovision Song Contest” tliet darbiet; fl-2017 bil-kanzunetta “Dawra Tond”, fl-2018 bil-kanzunetta “Marchin’ On”  u fl-2020 bil-kanzunetta “Chasing Sunsets”.


Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2015 bil-kanzunetta “Back To” u minn hemm qatt ma ħares lura. Żewġ kanzunetti li żgur li jibqa’ magħruf għalihom huma “Poeta Bla Kliem” li kisbet it-tieni post fil-“Festival Kanzunetta Maltija” fl-2013 u l-kanzunetta “Kewkba” li kisbet it-tieni post fil-“Malta Eurovision Song Contest” fl-2017.