top of page

Grazzi

Grazzi

Sinopsi

Minkejja li d-dinja mimlija għawġ, ħafna drabi ninsew l-affarijiet sbieħ li jiġrulna. Waħda mill-isbaħ ġrajjiet hija meta jitfaċċa xi ħadd li jagħti żvolta ġdida mill-ħajja. Nibdew ngħidu “Kif konna ngħaddu qabel?” Il-ħajja tinbidel u ma tixbax tgħid grazzi. Tibda tara l-ħajja minn perspettiva ġdida, temmen fik innifsek u minkejja li l-ħajja tibqa’ mimlija sabiħ u ikrah, minn issa l-ikrah jibda jidher sabiħ ukoll u tibda tgħid grazzi mhux biss meta l-affarijiet isiru kif tixtieq, imma anki meta min iħobbok jgħidlek le għax ikun aktar ta’ ġid.


Bijografiji


Artisti – MARA

MARA hu ffurmat minn ħames nisa; Maria, Annabelle, Rachel, Ruth u Alexia. Il-grupp igib l-isem ta' MARA għal żewġ fatturi: il-kantanti huma kollha nisa, u l-isem gie mnebbaħ mill-ewwel ittri tal-ismijiet tal-kantanti stess. Il-moħħ wara dan il-grupp, li deher għall-ewwel darba f'Mużika Mużika 2022 u kiseb suċċess bil-kanzunetta Aħjar Hekk Inkella Agħar, huwa Philip Vella.


Fl-aħħar edizzjoni, il-grupp MARA reġa' wasal sal-finali bil-kanzunetta, fejn ikklassifikaw fir-raba' post għhat-tieni darba kif ukoll ikklassifikaw mal-aqwa tlieta mill-votazzjoni tal-ġurija esperta.


Kompożitur – Philip Vella

Minn età tenera, Philip tgħallem idoqq il-kitarra u ma tantx dam biex beda jinteressa ruħu fil-kitba tal-kanzunetti. Infatti, spiċċa biex kiteb diversi kanzunetti għal għadd ta’ artisti Maltin, b’involviment kemm fil-produzzjoni, kif ukoll fir-recordings ta’ ħafna mill-albums ewlenin li ħarġu f’pajjiżna. Għaldaqstant, il-lum il-ġurnata, Philip huwa meqjus bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin f’pajjiżna. Rebaħ diversi kompetizzjonijiet mużikali b’materjal li huwa kkompona, fosthom; Mużika Mużika, Malta Eurovision Song Contest, il-Festival tal-Kanzunetta Maltija, u L-Għanja tal-Poplu. Fihom kiseb riżultati prestiġjużi, fosthom it-tieni post fil-Eurovision fis-sena 2002 bil-kanzunetta 7th Wonder. Ħa sehem b’suċċess f’ħafna festivals barra minn xtutna fejn kiseb riżultati prestiġjużi fosthom fi Franza, Olanda, Turkija, Bulgarija, Slovenja, Belġju u oħrajn. Iħobb ħafna lil raħal twelidu, il-Mellieħa u fuq inizzjattiva tal-Kunsill Lokali kiteb żewġ musicals fosthom El Mellaħa, u aktar riċenti, Naħal tal-Imħabba.


Awtur – Joe Julian Farrugia

Joe Julian Farrugia huwa kittieb, xandar u awtur tal-lirika. Rebaħ għadd ta’ festivals lokali, fosthom il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija 2013 u Mużika Mużika fl-2021 u fl-2023. Fost festivals internazzjonali, rebaħ darbtejn il-festival internazzjonali Discovery li jsir fil-Bulgarija u l-festival Ti Amo tar-Rumanija ħames darbiet. Kiteb xogħlijiet għall-palk fosthom produzzjonijiet soċjali, ballata, pantomimi u musicals. L-aktar wieħed riċenti huwa Caravaggio The Musical. Kiteb il-korsinfoniku Elfejn u Tmintax li fetaħ uffiċjalment is-sena tal-Valletta 2018, u Malta The Place To Be, mini musical li rrappreżenta lil Malta fl-Expo ta’ Dubai. Ħareġ ħames kotba; erba’ b’bijografiji ta’ personaġġi Maltin u r-rumanz Strada Stretta. Beda fix-xandir fuq ir-radju fl-1993. Wara xi żmien qaleb għat-televiżjoni billi pproduċa, idderieġa u kiteb diversi programmi. Fost oħrajn, kien producer u kiteb il-maġġoranza tal-episodji ta’ Bijografiji. Kiteb ukoll għadd ta’ drama għat-televiżjoni, kif ukoll poemi għat-televiżjoni u r-radju. Illum ixandar il-programm għar-radju Joe Julian Filgħodu.

Artist

Kompożitur

Awtur

MARA

Philip Vella

Joe Julian Farrugia

Artist

MARA

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Joe Julian Farrugia

bottom of page