top of page

Hekk Kif Int

Hekk Kif Int

Sinossi 

Fil-kanzunetta ‘Hekk kif Int’ nosservaw kemm id-diversità hija aspett tassew interessanti, speċjalment f’relazzjoni ta’ bejn tnejn. Hija dik id-differenza fl-individwi li tqanqal u tħeġġeġ, b’mod aktar sinifikanti, l-imħabba tal-koppja u, paradossalment, tressaqhom aktar lejn xulxin u tagħmilhom ħaġa waħda. ‘Hekk kif Int’ tenfasizza wkoll l-importanza li naċċettaw lil xulxin hekk kif aħna u li, minkejja d-difetti li għandna, dawn jistgħu jiġu perċepiti bħala perfezzjonijiet tant sbieħ f’għajnejn il-maħbubin tagħna għax jagħmluna dak li veru aħna. Meta tnejn iħobbu verament lil xulxin jagħmlu dan f’kull ċirkostanza, saħansitra fid-dlam ta’ xita qalila li jmewwet kull tip ta’ dija. Madankollu, b’sempliċiment tgħanniqa, wieħed jista’ jerġa’ jsib il-wens u finalment jerġa’ jara d-dija tixref minn bejn il-beraq li l-ħajja toffri matul il-vjaġġ tagħha. 


‘Hekk kif Int’ hi miktuba fuq stil pop ballad, stil romantiku maħbub ħafna f’pajjiżna. Il-kanzunetta hi wkoll amalgamata ma’ laqta moderna b’mużika u melodija tal-widna li tagħmilha aktar faċli biex wieħed jista’ jirrelata magħha mhux biss lirikament iżda anke mużikalment.


Bijografiji 

Josef Tabone – Artist

Josef Tabone huwa għalliem tal-home economics u l-ospitalità. Huwa jgħallem il-kant lit-tfal f’’VocalBooth Studios’ u huwa direttur tal-‘Junior Vocal Troupes’.Huwa studja l-kant, il-pjanu u t-teorija f’Johann Strauss fejn kiseb iċ-ċertifikati minn Trinity College ta’ Londra. Huwa ħa sehem f’diversi festivals fosthom il-‘Malta Eurovision Song Contest’, ‘Kanzunetta Indipendenza’, ‘Malta Hit Song Contest’ u l-‘Festival Kanzunetta Maltija’ mal-grupp Avenue Sky. Huwa tenur mal-kor ‘Animae’, wieħed mill-aqwa korijiet Maltin bi stil gospel. Barra minn hekk ħa sehem ukoll f’bosta pantomimi u musicals, fosthom: ‘Mama Mia’, ‘Hair Spray’ u ‘Cindirella’.


Bosta drabi kien ukoll backing vocalist għal diversi kantanti ewlenin Malti,  fosthom: Lawrence Grey, Corazon, Kevin Borg, Glen Vella, Wintermoods u għal Christabelle Borg waqt il-‘Eurovision Song Contest’ f’Lisbona fl-2018. L-aspirazzjoni tiegħu tibqa’ dejjem dik li jkompli jitjieb mużikalment u li jwassal l-imħabba tiegħu għall-mużika lill-oħrajn. ‘Il-mużika hija l-muftieħ tar-ruħ’.


Victoria Sciberras - Artist

Imwielda fis-7 ta’ Novembru tas-sena 2000, Victoria minn mindu kienet għada zgħira wriet li kellha passjoni kbira lejn il-mużika, speċjalment meta bdiet taqsam it-talent tagħha ma’ ħaddieħor. Minn età ċkejkna, Victoria pparteċipat f’diversi kompetizzjonijiet bħall-‘Junior Eurovision’, ‘San Remo Junior’, ‘The Entertainers Singing Challenge’ kif ukoll f’‘X Factor Malta’. 


Victoria mhux biss hi kantanta, imma awtriċi ukoll. Sentejn ilu hija ħarget l-ewwel kanzunetta oriġinali tagħha bl-isem ta’ ‘One Thing’ bil-mużika ta’ Cyprian Cassar u lirika tagħha stess. Il-kanzunetta kklassifikat mal-aqwa għaxar diski ta’ Malta. 


Victoria ħadet sehem fil-konkors tas-sbuħija, ‘Miss World Malta’ u kklassifikat mal-aqwa ħamsa. 

Fl-2022, Victoria kienet waħda mill-finalisti ta’ ‘Mużika Mużika’ bil-kanzunetta ‘Fittixni’, fejn hija kklassifikat mal-aqwa tmienja ta’ dan il-festival. Victoria bħalissa qed taħdem fuq materjal ġdid oriġinali bil-għan li fil-futur qarib toħroġ album b’kanzunetti b’kitba tagħha stess.


Cyprian Cassar – Kompożitur

Cyprian Cassar huwa kompożitur, arranġatur u produttur li twieled fil-15 t’Awwissu, 1983.  Flimkien mal-ħabib kbir tiegħu Joven Grech, huwa kien jifforma parti mid-duo famuż Tenishia, li kiseb fama internazzjonali wara li kklassifika mal-ewwel 100 fid-‘DJ Mag’ għal erba’ snin. Minn meta fetaħ l-istudjow personali tiegħu, Cyprian kellu ċ-ċans li jaħdem ma’ diversi artisti Maltin, fosthom: Janice Mangion, Danica Muscat, Miriana Conte, Rhiannon, Maxine Pace, Enya Magri, Gaia Cauchi, u Kevin Paul. 


Il-kompożizzjonijiet tiegħu:‘Marchin’ On’, fuq lirika ta’ Emil Calleja Bayliss bil-vuċi t’Ela Mangion u ‘My Home’, fuq lirika ta’ ‘Matt ‘Muxu’ Mercieca bil-vuċijiet t’Ike u Kaya ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’ tal-2018 u tal-2021 fejn ikklassifikaw fil-5 u t-12 -il post, rispettivament. 


Fl-2019, kellu wkoll iċ-ċans li silta li kiteb flimkien ma’ Niall Mooney, Jonas Gladnikoff, Daniel Muscat Caruana, Anna Banks, Fiachna O Braonain, u Anna Kearney, bl-isem ta’ ‘Banshee’ tirrappreżenta lill-Irlanda fil-‘Junior Eurovision Song Contest’ fl-2019.



Cliff Casha – Awtur

Minn età tenera, Cliff Casha studja l-proża u l-poeżija u kif jipproduċi xogħlijiet artistiċi differenti. Ilu għalliem għal dawn l-aħħar 15-il sena u kiteb diversi xogħlijiet, fosthom ‘Bejn l-Għabex u ż-Żerniq’, fuq kitba ta’ Trevor Zahra b’direzzjoni mużikali tal-Maestro Ray Sciberras. Il-kanzunetti li kkomponew Sciberras u Casha ġew imtellgħin mill-‘Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta’. Fl-2014, Cliff kellu kanzunetti fil-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’ li kklassifika fir-raba’ u fis-sitt post rispettivament. Kien ukoll awtur finalista f’‘L-Għanja tal-Poplu’ tal-2015 u tal-2019. Is-sena li għaddiet, permezz tal-kantant Kyle George, ħa sehem fil-festival ‘Mużika Mużika’ bil-kanzunetta ‘Tgħidlix Għalfejn’ b’kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar fejn ikklassifika fis-sitt post fil-finali. Illum, Cliff qed jikkollabora ma’ artisti varji u jħobb jesperimenta fuq diversi stili ta’ mużika b’ħoss modern u melodija tal-widna. Hu jemmen bis-sħiħ li l-lirika hija aspett importanti fil-vjaġġ artistiku tiegħu. L-għan ewlieni tiegħu huwa li, permezz ta’ dan l-istrument, jirnexxielu jwassal messaġġi li jqanqlu emozzjonijiet differenti.


Niżżel il-Lirika
HEKK KIF INT - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 170KB

Artist

Kompożitur

Awtur

Josef & Victoria

Cyprian Cassar

Cliff Casha

Artist

Josef & Victoria

Kompożitur

Cyprian Cassar

Awtur

Cliff Casha

bottom of page