top of page

Ir-Rota Tibqa' Ddur

Ir-Rota Tibqa' Ddur

Sinossi 

Fil-ħajja ħa ngħaddu minn esperjenzi li jgħallmuna, ħa ngħaddu minn esperjenzi pożittivi u oħrajn li jkunu ta’ sfida, iżda minn dawn l-esperjenzi dejjem nieħdu li nistgħu u nibqgħu għaddejjin. Għaddejjin għax ir-rota tibqa’ ddur, il-ħajja tibqa’ għaddejja u ma tistenna lil ħadd. Min jaf kemm-il darba għaddejna minn esperjenzi personali u bqajna nitħabbtu, niġġieldu u nissieltu mal-kurrent sakemm għarafna nirbħu fuq dak il-mewġ li nqbadna fih, iżda rbaħna u komplejna b’ħajjitna. Il-bniedem twieled u tgħallem jgħix bl-aħjar mod possibbli, il-karattru li jifforma matul is-snin jgħinu jikkumbatti u jirbaħ fuq dak li jiġi għalih.  Ir-‘Rota Tibqa’ Ddur’ tinkorpora dawn l-esperjenzi f’innu pożittiv għall-aħħar li jqawwi l-qalb u jnissel kuraġġ fil-qlub ta’ kull min jisma’ l-kanzunetta. 


Bijografiji 

MARA – Artist

MARA huwa ffurmat minn ħames tfajliet: Annabelle, Ruth, Maria, Rachel u Alexia. Kull membru huwa mħarreġ bħala solist, tant hu hekk li ħa sehem f’xejn anqas minn 25 festival, inkluż: il-‘Malta Eurosong’, ‘L-Għanja tal-Poplu’, kif ukoll il-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’, li fih Annabelle, Maria, Rachel u Ruth kisbu suċċess fis-snin 2009, 2018, 2019 u 2020 rispettivament.


Fl-ewwel sena tagħhom flimkien, fl-2022, MARA waslu sal-finali tat-tieni edizzjoni ta’ ‘Mużika Mużika’ bil-kanzunetta ‘Aħjar Hekk Inkella Agħar’. Din is-silta kklassifikat fir-raba’ post fi tmiem il-votazzjoni. Wara, segwew bil-parteċipazzjoni tagħhom f’konkors ieħor bil-Malti, ‘L-Għanja tal-Poplu’. Permezz tas-silta, ‘Ħelu Manna’, MARA kklassifikaw fit-tielet post.  Iż-żewġ siltiet għandhom il-mużika ta’ Philip Vella u l-lirika ta’ Emil Calleja Bayliss.


Bejn dawn iż-żewġ parteċipazzjonijiet, MARA nieda wkoll il-verżjoni tiegħu tas-silta ‘X’Jimpurtani’, kanzunetta fuq lirika ta’ Mario Fenech Caruana u mużika ta’ Philip Vella. ‘X’Jimpurtani’ ġiet ippubblikata lura fl-1995 waqt ‘L-Għanja tal-Poplu’ u ġiet interpretata mill-grupp fit-tieni serata ta’ ‘Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija’.

 


Philip Vella – Kompożitur

Sa minn eta’ tenera, Philip tgħallem idoqq il-kitarra u ma tantx dam ma beda jinteressa ruħu jikteb xi kanzunetta. Infatti, spiċċa biex kiteb bosta kanzunetti għal diversi artisti Maltin, b’involviment kemm fil-produzzjoni kif ukoll fir-rekordings ta’ ħafna mill-albums ewlenin li ħarġu f’pajjiżna.


Għaldaqstant, illum-il ġurnata, Philip huwa meqjus bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin f’pajjiżna. Huwa rebaħ diversi kompetizzjonijiet mużikali b’materjal li kkompona, fosthom: il-‘Malta Eurovision Song Contest’; ‘Festival tal-Kanzunetta Maltija’; ‘L-Għanja tal-Poplu’ u l-ewwel edizzjoni tal-festival prestiġġjuz ‘Mużika Mużika’. Philip kiseb riżultati prestiġjużi fosthom it-tieni post fis-sena 2002 bil-kanzunetta ‘7th Wonder’. Ħa sehem b’suċċess f’ħafna festivals barra minn xtutna fejn kiseb riżultati prestiġjużi fosthom fi Franza, l-Olanda, it-Turkija, il-Bulgarija, Slovenja, il-Belġju, u oħrajn.


Philip iħobb ħafna lil raħal twelidu, il-Mellieħa, u fuq inizzjattiva tal-Kunsill Lokali kiteb żewġ musicals: ‘El Mellaħa’ u aktar riċenti,’ Naħal tal-Imħabba’.



Emil Calleja Bayliss – Awtur

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb il-lirika għall-kanzunetti għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokalment, kif ukoll barra minn xtutna. Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu. Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta ‘Back To’ u minn hemm qatt ma ħares lura.  


Hu kiseb l-ewwel post fil-festival ‘L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ’ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta ‘Dwell’ u fl-2019 bil-kanzunetta ‘Ħaġar Qim’, filwaqt li fl-2018 rebaħ il-festival ‘L-Għanja tal-Poplu’ bil-kanzunetta ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’. Emil kiseb diversi suċċessi fil-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’ fejn fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta ‘Bħal Fjura’, fl-2018 bil-kanzunetta ‘Il-Pinna’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Nifs’. Fl-edizzjoni taż-żgħażagħ tal-istess konkors,  Emil kiseb l-ewwel post fl-2019 bil-kanzunetta ‘Burdati’, fl-2020 bil-kanzunetta ‘Tfixkluniex, Tħawduniex’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Marelli Ma’. 


Tliet kanzunetti miktuba minnu rrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’: ‘Dawra Tond’ fl-2017, ‘Marchin’ On’ fl-2018, u ‘Chasing Sunsets’ fl-2020. Kanzunetta li żgur li jibqa’ magħruf għaliha hija l-kanzunetta ‘Kewkba’ li kisbet it-tieni post fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ tal-2017.



Niżżel il-Lirika
IR-ROTA TIBQA' DDUR - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 330KB

 

Artist

Kompożitur

Awtur

MARA

Philip Vella

Emil Calleja Bayliss

Artist

MARA

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Emil Calleja Bayliss

bottom of page