top of page

Jekk Mhux Int

Jekk Mhux Int

Sinossi 

L-ewwel imħabba hija dejjem speċjali u din il-kanzunetta titkellem dwar il-maġija proprju tal-ewwel imħabba bejn dawn iż-żewġ żgħażagħ. L-emozzjonijiet li wieħed iħoss għall-ewwel darba jinħassu ferm ikbar milli fil-verità jkunu, iżda b’hekk tagħmel l-ewwel imħabba tassew speċjali fil-qalb ta’ dak li jkun. Dik il-passjoni li tinbet u tikber hija tassew sabiħa, tant li wieħed jaħseb li impossibbli jkun hemm xi ħaġa oħra isbaħ minnha, li impossibbli li jkun hemm xi ħaġa li tissupera l-emozzjonijiet li ħassew din id-darba, tant li jaslu għall-konklużjoni li ħadd aktar ma jista’ jkun. L-imħabba tagħhom hija waħda dejjiema. Żgur li ħafna kapaċi jirrelataw ma’ dawn is-sentimenti ta’ meta kienu żgħar u kważi kważi għomja f’dik l-imħabba. 


Bijografiji

Drakard – Artist

Il-kantawtur Drakard beda jistudja l-vuċi għand Kaya minn età żgħira. Fi tfulitu hu kien parteċipant f’numru ta’ spettakli b’suċċess, fosthom: ‘San Remo Junior Malta’, il-‘Malta Junior Eurovision Song Contest’, ‘il-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior’ u ‘L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ’. 


Ftit wara li għalaq 18-il sena, applika biex jieħu sehem fid-drama ‘Ulied Il-Lejl’, intgħażel u interpreta parti prinċipali, imbagħad applika għall-‘X Factor Malta’, fejn intgħażel, għadda sal-fażi finali u kklassifika mal-ewwel tlieta. Matul dawn l-aħħar xhur, ħa sehem fi spettakli nazzjonali bħall-‘Farsons Beer Festival’ u ‘Rockestra’ kif ukoll nieda l-ewwel kanzunetta oriġinali, ‘Over’.


Lisa Gauci – Artist

Il-kantawtriċi Lisa Gauci bdiet tkanta madwar 11-il sena ilu, taħt il-gwida tal-għalliema tagħha, Gillian Attard. Apparti t-tagħlim tal-vuċi, Lisa titgħallem ukoll il-pjanu, kemm prattika kif ukoll teorija, mgħallma miz-zija tagħha, Charlene Farrugia. L-avventura tagħha fix-xena tal-mużika ratha tipparteċipa f’għadd ta’ spettakli lokali u internazzjonali li jinkludu: ‘The Entertainers Singing Challenge’, ‘San Remo Junior Malta’; il-‘Junior Eurovision Song Contest’ u aktar riċenti ‘X Factor Malta’, fejn baqgħet għaddejja sal-fażi finali, fejn ikklassifikat mal-ewwel tlieta. Fl-2022, nediet l-ewwel kanzunetta oriġinali tagħha ‘Lovers’.  


Cyprian Cassar – Kompożitur

Cyprian Cassar huwa kompożitur, arranġatur u produttur li twieled fil-15 t’Awwissu, 1983.  Flimkien mal-ħabib kbir tiegħu Joven Grech, huwa kien jifforma parti mid-duo famuż Tenishia, li kiseb fama internazzjonali wara li kklassifika mal-ewwel 100 fid-‘DJ Mag’ għal erba’ snin. Minn meta fetaħ l-istudjow personali tiegħu, Cyprian kellu ċ-ċans li jaħdem ma’ diversi artisti Maltin, fosthom: Janice Mangion, Danica Muscat, Miriana Conte, Rhiannon, Maxine Pace, Enya Magri, Gaia Cauchi, u Kevin Paul. 


Il-kompożizzjonijiet tiegħu:‘Marchin’ On’, fuq lirika ta’ Emil Calleja Bayliss bil-vuċi t’Ela Mangion u ‘My Home’, fuq lirika ta’ ‘Matt ‘Muxu’ Mercieca bil-vuċijiet t’Ike u Kaya ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’ tal-2018 u tal-2021 fejn ikklassifikaw fil-5 u t-12 -il post, rispettivament. 


Fl-2019, kellu wkoll iċ-ċans li silta li kiteb flimkien ma’ Niall Mooney, Jonas Gladnikoff, Daniel Muscat Caruana, Anna Banks, Fiachna O Braonain, u Anna Kearney, bl-isem ta’ ‘Banshee’ tirrappreżenta lill-Irlanda fil-‘Junior Eurovision Song Contest’ fl-2019.


Emil Calleja Bayliss – Awtur

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb il-lirika għall-kanzunetti għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokalment, kif ukoll barra minn xtutna. Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu. Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta ‘Back To’ u minn hemm qatt ma ħares lura.  


Hu kiseb l-ewwel post fil-festival ‘L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ’ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta ‘Dwell’ u fl-2019 bil-kanzunetta ‘Ħaġar Qim’, filwaqt li fl-2018 rebaħ il-festival ‘L-Għanja tal-Poplu’ bil-kanzunetta ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’.Emil kiseb diversi suċċessi fil-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’ fejn fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta ‘Bħal Fjura’, fl-2018 bil-kanzunetta ‘Il-Pinna’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Nifs’. Fl-edizzjoni taż-żgħażagħ tal-istess konkors,  Emil kiseb l-ewwel post fl-2019 bil-kanzunetta ‘Burdati’, fl-2020 bil-kanzunetta ‘Tfixkluniex, Tħawduniex’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Marelli Ma’. 


Tliet kanzunetti miktuba minnu rrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’: ‘Dawra Tond’ fl-2017, ‘Marchin’ On’ fl-2018, u ‘Chasing Sunsets’ fl-2020. Kanzunetta li żgur li jibqa’ magħruf għaliha hija l-kanzunetta ‘Kewkba’ li kisbet it-tieni post fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ tal-2017.  


Niżżel il-Lirika
JEKK MHUX INT - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 201KB

Artist

Kompożitur

Awtur

Drakard u Lisa Gauci

Cyprian Cassar

Emil Calleja Bayliss

Artist

Drakard u Lisa Gauci

Kompożitur

Cyprian Cassar

Awtur

Emil Calleja Bayliss

bottom of page