top of page

Kieku Kelli

Kieku Kelli

Sinopsi

Fil-kanzunetta Kieku Kelli nosservaw id-diżappunt ta’ meta l-valuri essenzjali f’relazzjoni ma jkunux reċiprokati miż-żewġ naħat. Parti mill-koppja qed turi diżinteress totali filwaqt li l-parti l-oħra, għalkemm tinsab f’dilemma u mimlija dubji, tixtieq ittemm darba għal dejjem din ir-relazzjoni. Madanakollu, naraw kif dan it-tmiem mhux dejjem jista’ jseħħ kif ġieb u laħaq. Fil-fatt, fil-versi ninnutaw il-kunflitt interjuri li wieħed mill-maħbubin qed iġarrab u kif ix-xewqa li terġa’ tinstab l-imħabba mitlufa għadu jbaqbaq fil-qalb. Huwa permezz ta’ din it-tama li xi kultant infasslu diversi kundizzjonijiet ipotetiċi f’moħħna u nsaqsu x’jista’ jiġri kieku kellna nieħdu deċiżjonijiet differenti fir-relazzjonijiet tagħna. Kieku Kelli għandha stil interessanti amalgamat ma’ laqta moderna b’mużika u melodija tal-widna li tagħmilha aktar faċli biex wieħed ikun  jista’ jirrelata magħha mhux biss lirikament iżda anke mużikalment.


Bijografiji


Artist - Thea Aquilina

Thea Aquilina hija tfajla ta’ 19-il sena u bħalissa qiegħda tagħmel baċellerat fl-accounts u l-marketing  fl-Università ta’ Malta. Thea pparteċipat kemm-il darba f’konkorsi tal-kant lokali kif ukoll barra minn xtutna. Ta’ tnax-il sena, irrappreżentat lil Malta f’Sanremo Junior ġewwa l-Italja u rebħet il-konkors bit-titlu ta’ 'Grand Prix Winner'. Thea hija wkoll semi-finalista tal-Malta Eurovision Song Contest 2024 bil-kanzunetta tagħha Bloodstream. Apparti l-kant, Thea kienet f’diversi produzzjonijiet tad-drama fejn kienet involuta fl-oqsma tal-kant u  r-reċtar. Thea kisbet Grade 5 fl-eżamijiet tal-pjanu, Grade 7 fit-teorija tal-Mużika, kif ukoll Grade 8 fl-eżamijiet tal-kant u tat-teatru mużikali  ta’ Trinity College. Thea kienet ukoll fil-finali tal-konkors L-Għanja tal-Poplu darbtejn u waħda mill-kanzunetti tagħha ġiet magħżula minn grupp ta’ studenti biex jagħmlu vidjow mużikali li wara ġie magħżul biex jintwera f’ċinema lokali. Il-ħolma ta’ Thea hi li titgħallem kemm tista’ fuq l-industrija tal-mużika biex b’hekk tkompli tikber f’dan is-settur u tikber ukoll bħala artista.


Kompożitur – Cyprian Cassar

Cyprian Cassar huwa kompożitur, arranġatur u produttur li twieled fil-15 t’Awwissu, 1983.  Flimkien mal-ħabib kbir tiegħu Joven Grech, huwa kien jifforma parti mid-duo famuż Tenishia, li kiseb fama internazzjonali wara li kklassifika mal-ewwel 100 fid-‘DJ Mag' għal erba’ snin. Minn meta fetaħ l-istudjow personali tiegħu, Cyprian kellu ċ-ċans li jaħdem ma’ diversi artisti Maltin, fosthom; Janice Mangion, Danica Muscat, Miriana Conte, Rhiannon, Maxine Pace, Enya Magri, Gaia Cauchi, Kevin Paul kif ukoll Drakard u Lisa Gauci li magħhom klassifika fit-tieni post ta' Mużika Mużika 2023 bil-kanzunetta Jekk Mhux Int fuq lirika ta' Emil Calleja Bayliss.


Il-kompożizzjonijiet tiegħu: Marchin’ On, bil-lirika ta’ Emil Calleja Bayliss bil-vuċi ta’ Ela Mangion u My Home, fuq lirika ta’ Matt ‘Muxu’ Mercieca bil-vuċijiet t’Ike u Kaya ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest tal-2018 u tal-2021 fejn ikklassifikaw fil-5 u t-12 -il post, rispettivament. 


Fl-2019, kellu wkoll iċ-ċans li silta li kiteb flimkien ma’ Niall Mooney, Jonas Gladnikoff, Daniel Muscat Caruana, Anna Banks, Fiachna O’Braonain, u Anna Kearney, bl-isem ta’ Banshee tirrappreżenta lill-Irlanda fil-Junior Eurovision Song Contest fl-2019.


Awtur – Cliff Casha Brincat

Minn età tenera, Cliff Casha Brincat studja l-proża u l-poeżija u kif jipproduċi xogħlijiet artistiċi differenti. Ilu għalliem għal dawn l-aħħar sittax-il sena u kiteb diversi xogħlijiet fosthom Bejn l-Għabex u ż-Żerniq, li huwa bbażat fuq il-kitba ta’ Trevor Zahra b’direzzjoni mużikali tal-Maestro Ray Sciberras. Il-kanzunetti li kkomponew Sciberras u Casha Brincat ġew imtellgħin mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fil-passat, Cliff kellu kanzunetti finalisti fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza kif ukoll f’L-Għanja tal-Poplu. F’dawn l-aħħar sentejn, Casha Brincat kien ukoll finalist fil-festival Mużika Mużika permezz tal-kantanti Kyle George u Josef u Victoria, bil-kanzunetti Tgħidlix Għalfejn u Hekk Kif Int rispettivament fuq mużika ta’ Cyprian Cassar. Illum, Cliff qed jikkollabora ma’ artisti varji artisti u jħobb jesperimenta fuq diversi stili ta’ mużika b’ħoss modern u melodija tal-widna. Jemmen bis-sħiħ li l-lirika hija aspett importanti fil-vjaġġ artistiku tiegħu u l-għan ewlieni tiegħu huwa li, permezz ta’ dan l-istrument, jirnexxielu jwassal messaġġi li jqanqlu emozzjonijiet differenti.

Artist

Kompożitur

Awtur

Thea Aquilina

Cyprian Cassar

Cliff Casha Brincat

Artist

Thea Aquilina

Kompożitur

Cyprian Cassar

Awtur

Cliff Casha Brincat

bottom of page