Festivals Malta

13, Europa Centre,

John Lopez Street, Floriana FRN1400, MALTA

© 2020 Mużika Mużika by Festivals Malta

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Kompli Tbissem

Kantanti

Avenue Sky

Kompożitur

Glen Vella

Awtur

Andy Muscat

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Sinossi

Il-ħsieb wara l-kanzunetta “Kompli Tbissem” huwa li tkun kanzunetta li b’xi mod tgħollilek il-moral. Għalkemm miktuba w ispirata miż-żminijiet mhux tas-soltu li qed ngħixu bħalissa, b’din il-kanzunetta l-awturi xtaqu li jwasslu l-messaġġ li fil-ħajja kemm jista’ jkun għandna nippruvaw insibu xaqq ta’ dawl f’kull sitwazzjoni. Spiss insibu ruħna f’perjodu fejn xejn f’ħajjitna ma jibqa’ jagħmel sens; iżda, jekk niftakru ftit f’kemm għaddejna minn affarijiet u nifhmu kemm aħna verament b’saħħitna, għandna nsibu l-kuraġġ li nibqgħu dejjem inħarsu ‘l quddiem u nkunu kapaċi nerġgħu niftakru kif nitbissmu.


Dan ma jfissirx li f’mumenti diffiċli għandna nippretendu li aħna kuntenti. Madankollu, jiġri x’jiġri f’ħajjitna għandna dejjem niftakru li dejjem hemm tama li xi darba ngħelbu kull intopp li naffaċċjaw u allura verament ikollna raġuni għalxiex nitbissmu.

Avenue Sky

Avenue Sky huwa grupp magħmul minn ħames ġuvintur: Kevin (38), Josef (35), Karl (34), Clive (29) u Andy (29). Dan il-grupp ilu mgħaqud mill-2016. Il-membri fi ħdan Avenue Sky huma kollha mħarrġa bħala solistI, iżda, meta magħqudin flimkien joħolqu xi ħaġa unika li f’Malta ftit nisimgħu. Lura fl-2018 ħadu sehem fil-“Malta Eurovision Song Contest” bil-kanzunetta “We Can Run”. Għalkemm bdew b’kanzunetti bil-lingwa Ingliża, il-lingwa Maltija dejjem kienet għal qalbhom. Ta’ spiss jaħsbu f’xi kanzunetta klassika Maltija u jaraw kif jistgħu jagħtuha ħoss kemmxejn aktar modern. Kanzunetti li ħadmu fuqhom matul dawn is-snin kienu “Ftakar” oriġinarjament kantata minn Joe Cutajar u “Sieħbi fil-Cupboard tal-Kċina” oriġinarjament kantata u miktuba minn Walter Micallef. Permezz ta’ Mużika Mużika -Festival Kanzunetta Maltija 2021, Avenue Sky se jniedu l-ewwel kanzunetta oriġinali tagħhom bil-Malti, “Kompli Tbissem”.


Glen Vella

Kantant, kompożitur u għalliem tal-vuċi, Glen beda l-karriera tiegħu fil-kant fl-età ta’ tlettax-il sena. Studja l-vuċi u l-pjanu kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika. Glen kiseb il-popolarità tiegħu fix-xena lokali wara li għal bosta snin kien kantant residenti fi programmi televiżivi. Dan minn barra numru kbir ta’ musicals li ħa sehem fihom. Bla dubju li wieħed mill-ikbar suċċessi ta’ Glen kemm f’Malta u anki barra minn Malta kien fl-2011 meta rrappreżenta ‘l pajjiżna fil-“Eurovision Song Contest” bil-kanzunetta “One Life”.


Matul il-karriera tiegħu, Glen ikkolabora ma’ diversi kant-awturi Maltin u barranin, kanta f’kunċerti kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna. Kien solista fl-ispettaklu “Elfejn u Tmintax”, is-sinfonija korali li tnediet fuq it-turġien tal-Kon-Katidral ta’ San Gwann fil-ftuħ uffiċjali   tal-Valletta 2018.


Illum -il ġurnata   Glen jagħmel parti mill-kor gospel Animae, li tiegħu huwa wkoll fundatur. Barra minn hekk, huwa   wieħed mill-għalliema tal-vuċi f’VocalBooth   Studios u ilu għal diversi snin iħarreġ lill-istudenti tiegħu fuq ilsillabu Rock n’ Pop Vocal ta’ Trinity College ta’ Londra. Huwa   wkoll jidderieġi VocalTroupes.


Andy Muscat

Andy Muscat huwa relattivament ġdid bħala   awtur, speċjalment fejn tidħol kitba għal ħaddieħor u mhux għalih innifsu bħala solist.


Infatti, din hija l-ewwel kanzunetta minn tiegħu li mhux ikanta waħdu, iżda mal-grupp li jagħmel parti minnu, Avenue Sky. Fis-snin li għaddew, bħala solist, kien darbtejn finalist “fl-Għanja tal-Poplu” b’kanzunetti b’lirika tiegħu stess. Bħala kantant, ħa sehem f’diversi produzzjonijiet lokali, fostom fil-“Malta Eurovision Song Contest” ma’ Avenue Sky, kif ukoll f’ħafna   produzzjonijiet teatrali, bħal “Fiddler   on the Roof”, “Phantom of the Opera” u anki fil-pantomimi li jittellgħu fit-Teatru Manoel. Andy huwa   wkoll għalliem tal-Ingliż fi skola sekondarja, iżda minn dejjem ħabb u ħaddan il-lingwa Maltija. Bħala għalliem, jagħmel minn kollox biex l-istudenti tiegħu japprezzaw u jesperimentaw bil-mużika, kant, spettaklu u kitba, għaliex jemmen ħafna fl-importanza t’edukazzjoni   aktar ħolistika.