
L-Aħħar Darba

L-Aħħar Darba
Sinossi
Il-kanzunetta tittratta dwar tfajla li tqum filgħodu ħdejn il-maħbub tagħha, u waqt li tħares lejh b’imħabba profonda, iberrnu ħafna ħsibijiet f’moħħha, fosthom l-insikurezza li tista’ tiġi ġurnata fejn ir-relazzjoni tisfaxxa. Għaldaqstant, qed titolbu jżommha qribu u hu jgħidilha kliem ta’ mħabba u jfakkarha f’kull mument sabiħ li qattgħu flimkien daqslikieku kienet l-aħħar darba li se jaraw lil xulxin.
Bijografiji
Martina Borg – Artist
Martina Borg, imwielda fit-23 ta’ Awwissu, 1992, hija kantanta Maltija li ilha attiva fix-xena mużikali lokali mill-età ta’ 13-il sena. Martina ġejja minn familja mużikali, u kienet tieħu lezzjonijiet tal-mużika ma’ missierha il-Mro.Paul Borg u lezzjonijiet tal-kant ma’ Joshua Alamu, coach vokali bbażat fir-Renju Unit. Martina kellha d-debutt tagħha f’kunċert mal-Malta Philharmonic Orchestra fl-età ta’ 13-il sena. Martina marret tistudja l-kant ta’ 17-il sena f’Londra u kisbet Higher Diploma kif ukoll Baċellerat fil-kant mill-Academy of Contemporary Music. Apparti li kienet il-kantanta ta’ diversi bands, hija kkollaborat ma’ numru ta’ mużiċisti fir-Renju Unit, inklużi membri minn Incognito u The Kooks. Martina issa hija bbażata f’Malta u hija l-kantanta residenti tal-band ta’ missierha, ‘Versatile Brass’. Flimkien daqqew f’avventimenti prestiġjużi għall-President ta’ Malta, Sir Cameron Macintosh, fil-Vatikan għall-Papa Benedittu XVI, il-Prinċep Edward, kif ukoll ġewwa ‘Disneyland’ f’Pariġi. Martina kompliet tistudja għall-Masters Degree u hija wkoll għalliema tal-mużika fi skola privata.
Pamela Bezzina - Kompożitur u Awtur
Pamela Bezzina hija kantanta, kompożitriċi, awtriċi u arranġatriċi vokali, u għalliema tal-vuċi magħrufa speċjalment għall-vuċi partikolari tagħha assoċjata mal-mużika soul u gospel. Hija ggradwat bħala patoloġista tal-lingwa mitkellma fejn iffukat l-istudji tagħha fuq il-vuċi u l-lum il-ġurnata taħdem ma’ ħafna kantanti popolari u promettenti fejn tiffoka fuq it-teknika u anke t-terapija tal-vuċi. Pamela ġiet maħtura diversi drabi sabiex tifforma parti mill-kontingent Malti għall-‘Eurovision Song Contest’ bħala backing vocalist u coach tal-vuċi ma’ Thea Garret (2010), Glen Vella (2011), Firelight (2014), Amber (2015), Ira Losco (2016) u ma’ Christabelle Borg (2018). Hi ntgħażlet wkoll bħala direttriċi f’ħafna okkażżjonijiet nazzjonali, fosthom bħala d-direttriċi mużikali u arranġatriċi vokali fl-okkażżjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-‘Valletta 2018’, li seħħ quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Pamela hija waħda mill-fundaturi u d-direttriċi tal-kor famuż Malti, magħmul minn diversi kantanti popolari Maltin, ‘Animae Gospel Choir’.
Pamela wkoll rebħet il-konkors ‘L-Għanja tal-Poplu’ (2018) bħala l-kompożitriċi tal-kanzunetta ‘Meta r-Ramel Jitħallat mas-Silġ’ interpretata minn Jessica Magro, kompożittriċi u awtriċi ta’ tliet kanzunetti semifinalisti f’’Mużika Mużika’ (2022) (‘Jien l-Artist’ ta’ Cherylis; ‘Mil-Lenti Tiegħi’ ta’ Joseph Refalo u ‘Minn Taħt l-Ilsien’ ta’ Avenue Sky). Pamela kitbet diversi siltiet mużikali kemm għaliha personali kif ukoll għal diversi kantanti oħrajn lokali.
Niżżel il-Lirika

Artist
Martina Borg

Kompożitur
Pamela Bezzina
