
Sinossi
Il-bniedem fassal il-ħajja għalih biss. Min jaf kieku l-għasfur kellu s-senter f’idu? Min jaf kieku ż-żiemel isuq il-karozzin hu? Żgur jagħmlu affarijiet differenti milli nagħmluhom aħna. In-natura kapaċi tgħix f’armonija ta’ kuluri u sliem li l-bniedem mhux kapaċi joħloq. Anki l-lingwa stess tpoġġi lilna l-ewwel, nagħmlu li jaqblilna, tellieqa għal min jilħaq l-ewwel għeneb, nimxu bil-ħbieb u nagħmlu li jaqbel lilna u lilna biss. U biex nagħmlu dan ħarbatna d-dinja; baħar kollu plastik, temperaturi jinbidlu u dħaħen fin-nifs li rridu nieħdu aħna stess. Imma xi ħadd daħħalhielna f’rasna li d-dinja tagħna biss... u sakemm nibqgħu nemmnu hekk, is-sitwazzjoni tkompli sejra lura.
Kantera
Il-band Kantera twieldet fl-2020 bl-għan li tressaq il-ġeneru folk tradizzjonali Malti ma’ dak modern. Fl-istil mużikali ta’ Kantera, strumenti marbuta mal-folklor mużikali Malti u strumenti mużikali elettroniċi moderni jiġu flimkien biex jinħoloq ħoss uniku — mużika tal-preżent li titkellem fl-istess waqt mill-ġejjieni u mal-imgħoddi.
L-istil ta’ kanzunetta li qed tipproduċi Kantera maħdum fuq lirika Maltija li tmiss temi soċjali u kulturali tal-mument u dak passat, bl-użu ukoll ta’ qwiel Maltin u b’involviment ta’ talent minn Malta u minn Għawdex.
L-istrumenti li jiffurmaw Kantera huma l-piano-accordion, it-tastiera, is-sassofonu, l-ajrofonu, il-mandolina, il-vjolin, il-kitarra elettrika u dik bass, il-flejguta, iż-żafżafa u l-perkussjoni, flimkien mal-kantant ewlieni u l-backing vocals.
L-istil ta’ Kantera nħoloq sabiex iressaq żgħażagħ u adoloxxenti qrib aktar tal-folk u t-tradizzjoni Maltija permezz tal-mod kif l-istrumenti u l-lirika fil-kanzunetti tagħhomjaħdmu ma’ xulxin. Din mużika fejn l-imgħoddi jżur il-preżent, u jingħaraf fil-waqtiet li ngħixu aħna u nivjaġġaw mal-ħoss folk modern.
Elton Zarb
Elton Zarb huwa mużiċist ta’ fama kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Ikkompona mużika għal musicals u films, u kellu suċċess f'kontinenti differenti bil-kompożizzjonijiet tiegħu.
Elton ipproduċa u għamel remixes ta’ għadd ta’ diski għal diversi artisti. Il-kanzunetti tiegħu indaqqu madwar l-Ewropa, l-Awstralja u l-Karibew, fejn kellu diski li telgħu wkoll numru wieħed fil-klassifiċi.
Ipproduċa ukoll mużika għal films maħruġa minn Universal u Eone. L-istili differenti ta’ mużika tiegħu jinkludu l-hip-hop u l-R&B, dance u pop. Huwa jikteb ukoll mużika għal promozzjonijiet televiżivi u jingles għar-radju.
Fl-2013 Elton ikkompona u pproduċa l-ewwel musical tiegħu “Ħidmietna”, li jitratta l-istorja tal-mixja tal-klassi tal-ħaddiema.
Elton Zarb kiteb u ipproduċa l-kanzunetti rebbieħa tal-edizzjoni tal-“Junior Eurovision” 2013 (“The Start”) u l-edizzjoni tal-2015 (“Not My Soul”), kantati minn Gaia u Destiny rispettivament.
Elton kien responsabbli għall-kitba u l-kompożizzjoni tal-mużika tal-“Junior Eurovision” 2014 u 2016 li saru f’Malta, flimkien mal-kanzunetta “Diamonds”, interpretata minn Federica.
Kien ukoll wieħed mill-kompożituri għall-kanzunetta tema “Junior Eurovision” 2014 #Together. Għall-Eurovision 2014. Elton Zarb ikkompona ukoll il-kanzunetta “Warrior”, interpretata mill-artista Amber.
Fl-2018 Elton ġie fdat bil-kompitu li jikkomponi u jipproduċi l-mużika għaċ-ċerimonja tal-ftuħ għall-Belt Valletta 2018 — il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Huwa pproduċa il-mużika għal “The Pageant of the Seas” li saret fil-Port il-Kbir tal-Belt Valletta.
Joe Julian Farrugia
Joe Julian Farrugia huwa kittieb, xandar u awtur tal-lirika. Fis-snin disgħin beda jieħu sehem fil-festivals nazzjonali ta’ pajjiżna b’mod regolari. Fl-1999 kellu kanzunetta magħżula mill-American Airlines biex tindaqq kull meta tintalab diska minn Malta fuq l-ajruplani tagħhom. Rebaħ għadd ta’ festivals lokali fosthom il-“Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija” 2013. Fost festivals internazzjonali, rebaħ darbtejn il-Festival Internazzjonali “Discovery” li jsir fil-Bulgarija u l-Festival “Ti Amo” tar-Rumanija ħames darbiet. Kiteb il-Kor Sinfoniku “ELFEJN U TMINTAX” li fetaħ is-sena tal-Valletta 2018 uffiċjalment. Kiteb xogħolijiet għall-palk fosthom produzzjonijiet soċjali, ballata, musicals u l-pantomima bil-Malti tal-Milied 3 darbiet. Ħareġ erba’ kotba ta’ bijografiji ta’ personaġġi Maltin. Beda fix-xandir fuq ir-radju fl-1993. Wara żmien qaleb għat-televiżjoni billi pproduċa, idderieġa u kiteb diversi programmi. Fost oħrajn, kien producer tal-programm “Bijografiji” u kiteb il-maġġoranza tal-episodji. Kiteb ukoll għadd ta’ drama ghat-televiżjoni, kif ukoll poemi għat-televiżjoni u r-radju. Illum ixandar il-programm għar-radju Bonġu Kafé ma’ Joe Julian.