Artist
Jasmine Abela
Kompożitur
Glen Vella
Awtur
Philip Vella
Artist
Jasmine Abela
Kompożitur
Glen Vella
Awtur
Philip Vella
L-Imħabba Verità
Sinopsi
L-imħabba tgħodd u tagħmel sens jekk tkun sinċiera, mimlija umiltà, u verità. Bil-kliem tista’ tgħid ħafna affarijiet - kliem mimli ħolm fl-arja, mingħajr impenn, u mingħajr verità - imma huma l-azzjonijiet li juru l-imħabba vera... Dak li hemm fil-fond tal-qalb huwa importanti ferm, u huwa f’mumenti diffiċli u xejn sbieħ fejn is-saħħa tal-imħabba tiddi.
Bijografiji
Jasmine Abela
Artista
Jasmine twieldet fit-22 ta' Jannar tal-1999. Il-passjoni u l-mezzi ta’ kif tesprimi ruħha minn dejjem kienu l-kant u l-kitba.
Il-karriera professjonali tagħha bdiet minn programm televiżiv, li aktar tard wassal għal opportunitajiet oħra. Minn dakinhar, kompliet tikber ix-xewqa tagħha li taqsam it-talent u l-imħabba li għandha lejn il-mużika mal-pubbliku.
Uħud mill-punti ewlenin fil-karriera tagħha jinkludu ċ-CHOGM 2015 fejn kantant waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ quddiem ir-Reġina Elizabetta t-Tieni, il-Eurovision tal-2016, Rockestra tal-2016, il-Eurovision tal-2018, il-kunċert 50 Sena ta’ Mużika Maltija, il-kunċert Djamanti Mużikali, fil-programm kulturali ta’ Valletta 2018, it-tieni staġun ta’ X Factor Malta, u Mużika Mużika tal-2023.
Glen Vella
Kompożitur
Glen huwa kantant, kompożitur u għalliem tal-vuċi. Hu beda l-karriera tiegħu fil-kant fl-età ta’ tlettax-il sena, u studja l-vuċi u l-pjanu kemm fit-teorija kif ukoll fil-prattika.
Magħruf fix-xena mużikali tal-pop, u fost ħafna mill-kunċerti li ħa sehem u pproduċa, wieħed mill-ikbar suċċessi ta’ Glen kemm f’Malta u anki barra minn Malta kien meta fl-2011 irrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta ‘One Life’. Apparti minn hekk Glenn kiseb l-ewwel post fil-Fesitval Kanzunetta Maltija, Mużika Mużika bil-kanzunetta ‘Ħarsa Biss’, u kien is-solista fl-ispettaklu ‘Elfejn u Tmintax’; is-sinfonija korali li tnediet fuq it-turġien tal-Kon-Katidral ta’ San Gwann fil-ftuħ uffiċjali tal-Valletta 18.
Glen kien innominat diversi drabi fil-kategorija tal-Aqwa Artist fil-Malta Music Awards diversi drabi, u rnexxielu jirbaħ it-titlu tal-Aqwa Artist Solista, l-Aqwa Kantant u l-Aqwa Vidjow bil-kanzunetta ‘One Life’. Hu rebaħ ukoll il-kategorija tal-Aqwa Kantant fil-One Tribute Awards. Fl-2023 kellu l-opportunità li jippreżenta l-Malta Eurovision Song Contest u kiseb it-tielet post bħala kompożitur fil-Fesitval Kanzunetta Maltija, Mużika Mużika bil-kanzunetta ‘M’Hawnx Bħalek’. Fl-istess sena pproduċa spettaklu kbir ta’ mużika għall-attivitajiet tal-EuroPride ġewwa Għawdex, ta kunċert live ġewwa l-Belt Valletta, u ġie premjat bil-People Choice Award għall-ħidma tiegħu fi ħdan l-Komunità LGBTIQ+.
Bil-parteċipazzjoni tiegħu kemm f’festivals lokali kif ukoll barra minn Malta, Glen irnexxielu jikseb diversi suċċessi, fosthom ir-rebħ tal-premju -FIDOF għal tliet darbiet, kif ukoll il-premju tal-ġurija fil-Golden Stag International Festival fir-Rumanija.
Philip Vella
Awtur
Philip Vella huwa meqjus bħala wieħed mill-kantawturi ewlenin f’pajjiżna, kif ukoll bħala awtur ta’ diversi kanżunetti li għamlu suċċess f’ħafna mill-festivals ewlenin f’pajjiżna. Magħruf bħala l-awtur tal-kanżunetta li rebħet il-Festival tal-Kanżunetta Maltija bl-isem ta ‘Min Jaf Għalfejn' u iktar riċenti, tal-Festival L-Għanja tal-Poplu bil-kanżunetta ‘Il-Verità’. Aktar riċenti nieda l-ħames kollezzjoni ta’ kanzunetti tiegħu bl-isem ‘60+’, li fiha kiteb il-maġġorparti tal-mużika u l-lirika. Philip Vella huwa magħruf ukoll għall-kanżunetti ‘Ġenna u Infern’ u ‘Għalfejn Tħobbni Daqshekk’ li laħqu l-quċċata tal-Klassifika tal-Maltin. Philip kiseb ukoll it-tielet post bil-kanzunetta ‘M'Hawnx Bħalek’ fil-festival Mużika Mużika 2023.