
Sinossi
L-awtur qiegħed ikellem lil bintu u juriha d-differenza bejn li tkun għadha żgħira u meta tikber. Meta tkun żgħira ssib min jieħu ħsiebha u jfissidha u jilgħab magħha, u meta tikber ikollha taqdef waħedha u ssolvi l-problemi tal-ħajja hi stess. Imma l-awtur qiegħed ukoll juriha kemm hu importanti li tħaddan il-valuri li hu stess rawwem fiha meta kienet għadha żgħira.
Mark Spiteri Lucas
Mark Spiteri Lucas twieled fit-22 ta’ Ġunju 1977. Huwa ġej minn familja mużikali u midħla sew tal-ispettaklu li pproduċiet mużiċisti u kantanti, bħalma huma Oscar Lucas, John Charles Lucas, Godwin u David Lucas kif ukoll Joe Cutajar.
Beda jistudja l-pjanu fl-età ta’ seba’ snin, sakemm kiseb id-diploma tal-mużika A.L.C.M u ta’ tlettax-il sena beda jdoqq il-pjanu f’diversi lukandi u avvenimenti varji. Għal diversi snin kien ukoll jifforma parti mill-orkestra tas-surmast Joe Brown.
Bħala kompożitur ħadem u kkollabora mill-qrib fuq diversi proġetti ma’ diversi mużiċisti u kantanti kemm lokali kif ukoll barranin u pparteċipa f’diversi festivals kemm lokalment u anke lilhinn minn xtutna.
Huwa għalliem, kompożitur, mużiċist, arranġatur, kantant, producer televiżiv u teatrali.