
Mid-Dinja m'Għandna Xejn

Mid-Dinja m'Għandna Xejn
Sinossi
Il-ħajja rutina ma taqta’ xejn, ħajja mgħaġġla mimlija studju jew xogħol. Iż-żgħożija tiġi darba u ż-żgħażagħ iridu jgħixu. Ix-xogħol u l-istudju importanti ħafna imma kollox irid ikun. Il-mistrieħ bżonnjuż ukoll. Ħaqqna nieħdu nifs u ngawdu ġmiel id-dinja u ġmiel xulxin ‘il bogħod mir-rutina; ingawdu l-enerġija żgħażugħa, niżfnu, inkantaw u niċċelebraw bla ma nweġġgħu aħna jew inweġġgħu lill-oħrajn.
Bijografiji
KWINTI – Artist
Il-grupp KWINTI fforma ruħu wara li dawn il-ħames żgħażagħ iltaqgħu fil-programm ‘Mużika Mużika -Il-Vjaġġ Ikompli’ fejn ġew imħarrġa minn diversi esperti fl-industrija tad-divertiment fi vjaġġ uniku għall-bidu tal-karriera mużikali tagħhom. Individwalment ikkompetew biex jakkwistaw post fis-semifinali tal-festival ‘Mużika Mużika’ tal-2022. Eventwalment rajniehom ukoll fis-serata tal-Ġimgħa b'tislima f’ġieħ Enzo Gusman. L-isem KWINTI nibet mill-kelma ‘kwint’ li tfisser wieħed minn kull ħamsa (1/5). F’daqqa, ħames kwinti jagħmlu wieħed magħqud, jiġifieri grupp wieħed magħqud.
Micimago – Kompożitur
Michael Joe Cini, ukoll magħruf bħala Micimago, beda jipproduci l-mużika wara li bi żball iltaqa’ ma' software fuq l-internet li bih tista’ tipproduċi l-mużika. Wara ftit ħin jesperimenta fuqu, irrealizza li l-produzzjoni mużikali hija aċċessibbli ħafna u tista’ ssir minn fuq semplċiment kompjuter. Il-proċess kreattiv ta’ kull proġett huwa dejjem differenti, iżda xi ħaġa li jieħu gost jagħmel hija li jgħaqqad ħsejjes minn ġeneri differenti flimkien b’mod uniku u li jagħmel sens. Bix-xewqa li jesperimenta f’ambjenti mużikali differenti, Micimago jikkollabora ma’ artisti oħrajn kemm jekk biex jaħdem fuq proġetti taħt ismu u anke jekk biex jipproduċi għal artisti oħrajn. Apparti mill-proġett solo tiegħu, Micimago jifforma parti mill grupp elettroniku ‘MTEAM’ flimkien ma’ Matthew James, Mr.M u Kugene.
Pamela Bezzina – Kompożitur
Pamela Bezzina hija kantanta, kompożitriċi, awtriċi u arranġatriċi vokali, u għalliema tal-vuċi, magħrufa speċjalment għall-vuċi partikolari tagħha assoċjata mal-mużika soul u gospel. Hija ggradwat bħala patoloġista tal-lingwa mitkellma fejn iffukat l-istudji tagħha fuq il-vuċi u llum il-ġurnata taħdem ma’ ħafna kantanti popolari u promettenti fejn tiffoka fuq it-teknika u anke t-terapija tal-vuċi. Pamela ġiet maħtura diversi drabi sabiex tifforma parti mill-kontingent Malti għall-‘Eurovision Song Contest’ bħala backing vocalist u coach tal-vuċi ma’ Thea Garret (2010), Glen Vella (2011), Firelight (2014), Amber (2015), Ira Losco (2016) u ma’ Christabelle Borg (2018). Hi ntgħażlet wkoll bħala d-direttriċi f’ħafna okkażżjonijiet nazzjonali, fosthom bħala d-direttriċi mużikali u arranġatriċi vokali fl-okkażżjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-‘Valletta 2018’ li seħħ quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Pamela hija waħda mill-fundaturi u d-direttriċi tal-kor famuż Malti, magħmul minn diversi kantanti popolari Maltin, ‘Animae Gospel Choir’.
Pamela wkoll rebħet il-konkors ‘L-Għanja tal-Poplu’ (2018) bħala kompożitriċi tal-kanzunetta ‘Meta r-Ramel Jitħallat mas-Silġ’ interpretata minn Jessica Magro, kompożitriċi u awtriċi ta’ tliet kanzunetti semifinalisti f’’Mużika Mużika’ (2022) (‘Jien l-Artist’ ta’ Cherylis; ‘Mil-Lenti Tiegħi’ ta’ Joseph Refalo u ‘Minn Taħt l-Ilsien’ ta’ Avenue Sky) Pamela kitbet diversi siltiet mużikali kemm għaliha personali kif ukoll għal diversi kantanti oħrajn lokali.
Ritratt: Pamela Bezzina
Joe Julian Farrugia – Awtur
Joe Julian Farrugia huwa kittieb, xandar u awtur tal-lirika. Fis-snin disgħin beda jieħu sehem fil-festivals nazzjonali ta’ pajjiżna b’mod regolari. Rebaħ għadd ta’ festivals lokali fosthom il-‘Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija’ fl-2013 u ‘Mużika Mużika’ fl-2021. Fost festivals internazzjonali, rebaħ darbtejn il-festival internazzjonali ‘Discovery’ li jsir fil-Bulgarija u l-festival ‘Ti Amo’ tar-Rumanija ħames darbiet. Kiteb xogħolijiet għall-palk, fosthom produzzjonijiet soċjali, ballata, pantomimi u musicals, fosthom ‘Caravaggio: The Musical’. Kiteb il-‘Kor Sinfoniku Elfejn u Tmintax’ li fetaħ uffiċjalment is-sena tal-‘Valletta 2018’, u ‘Malta The Place To Be’; musical qasir li rrappreżenta lil Malta fid-‘Dubai Expo’. Ħareġ ħames kotba– erba’ bijografiji ta’ personaġġi Maltin u r-rumanz ‘Strada Stretta’. Beda fix-xandir fuq ir-radju fl-1993. Wara xi żmien, qaleb għat-televiżjoni billi pproduċa, idderieġa u kiteb diversi programmi. Fost oħrajn, kien produttur u kiteb il-maġġoranza tal-episodji ta’ ‘Bijografiji’. Kiteb ukoll għadd ta’ drama għat-televiżjoni, kif ukoll poemi għat-televiżjoni u r-radju. Illum ixandar il-programm għar-radju ‘Joe Julian Filgħodu’.
Niżżel il-Lirika

Artist
KWINTI

Kompożitur
Micimago u Pamela Bezzina
.jpg)