top of page

Miegħek Tiegħek

Miegħek Tiegħek

Sinossi 

Il-lirika ta’ din il-kanzunetta titkellem dwar kif l-esperjenzi passati ta’ mħabba li ma kinux daqshekk sbieħ, ħallew impatt qawwi fuq kemm il-kantanta hija lesta terġa’ tħobb bis-sħiħ u b’libertà lil persuna ġdida. Meta tkun tajt kollox fl-imħabba u tispiċċa mweġġa’ emozzjonalment, fiżikament u psikoloġikament, tasal f’punt fejn tibda tibża’ tħobb u bla ma trid ma tibqax temmen fl-imħabba vera. F’din il-kanzunetta, il-kantanta qiegħda titlob lill-persuna li qed toffrilha mħabba ġdida sabiex tistenna ftit sakemm terġa’ tibda tafda u tkun tista’ terġa’ tħobb bla biża’, u meta jasal dan il-mument, hija tixtieq li tkun miegħu u tiegħu b’mod komplet.


Bijografiji
 
Petra – Artist 

Petra twieldet fil-11 ta Awissu, 1987 u ġejja minn familja mużikali. Bdiet tkanta mill-età ta’ 17-il sena meta l-mużika biddlitilha ħajjitha. Petra bdiet tikkompeti f’diversi festivals lokali, fosthom il-‘Malta Eurovision Song Contest’ u ‘L-Għanja tal-Poplu’. Hija rebħet il-kompetizzjoni televiżiva ‘The Academy’. Għal xi żmien kienet tifforma parti minn ‘Animae Gospel Choir’ u kienet irrappreżentat lil Malta ġewwa l-Kanada ġo festival multikulturali b’suċċess.


Waħda mill-esperjenzi li għandha ħafna għal qalbha hija meta kienet ħadet sehem ġo diversi edizzjonijiet ta’ ‘Rockestra’. Petra kellha parti fil-musical bil-Malti ‘Il-Kbir Għadu Ġej’. Din kienet l-ewwel esperjenza ta’ musical għal Petra u kienet esperjenza fenomenali. Petra waslet b’suċċess sal-finali fl-ewwel edizzjoni ta’ ‘X Factor Malta’ fejn reġgħet esibit l-istil uniku li tant huwa sinonimu ma’ isem Petra. 



Elton Zarb – Kompożitur 

Elton Zarb, huwa miż-Żejtun u ilu għal dawn l-aħħar 20 sena jaħdem fil-qasam mużikali fejn ħadem fuq diversi proġetti ma’ artisti varji, kif ukoll kiteb mużika għal diversi musicals u films internazzjonali. Matul iż-żmien il-kanzunetti tiegħu daħlu fiċ-charts tar-radju kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Elton rebaħ diversi festivals, u fl-2014 u l-2016 rispettivament kiteb il-mużika li wasslet sabiex Malta tirbah il-‘Junior Eurovision Song Contest’ bil-kanzunetti interpretati minn Gaia Cauchi u Destiny. Fl-istess snin, flimkien mat-timijiet rebbieħa tal-‘Junior Eurovision’ ingħata ‘Ġieh ir-Repubblika’ mill-President ta’ Malta.


Fl-2018 ġie fdat sabiex fuq il-lirika ta’ Joe Julian Farrugia jikkomponi ‘Elfejn u Tmintax’, sinfonija għall-okkażżjoni tal-ftuħ tal-‘Valletta 2018’ bħala l-Belt Kapitali Kulturali Ewropea. Fl-2019 ġie maħtur bħala l-President ta’ ‘L-Għaqda Banda Żejtun’, għaqda fejn Elton ħa l-ewwel taħriġ mużikali tiegħu. Fl-2020, permezz tal-grupp Kantera, ġie kklassifikat fit-tielet post fl-ewwel edizzjoni tal-festival ‘Mużika Mużika’.



Pamela Bezzina – Kompożitur u Awtur

Pamela Bezzina hija kantanta, kompożitriċi, awtriċi u arranġatriċi vokali, u għalliema tal-vuċi, magħrufa speċjalment għall-vuċi partikolari tagħha assoċjata mal-mużika soul u gospel. Hija ggradwat bħala patoloġista tal-lingwa mitkellma fejn iffukat l-istudji tagħha fuq il-vuċi u l-lum il-ġurnata taħdem ma’ ħafna kantanti popolari u promettenti fejn tiffoka fuq it-teknika u anke t-terapija tal-vuċi. Pamela ġiet maħtura diversi drabi sabiex tifforma parti mill-kontingent Malti għall-‘Eurovision Song Contest’  bħala backing vocalist u coach tal-vuċi ma’ Thea Garret (2010), Glen Vella (2011), Firelight (2014), Amber (2015), Ira Losco (2016) u ma’ Christabelle Borg (2018). Hi ntgħażlet wkoll bħala d-direttriċi f’ħafna okkażżjonijiet nazzjonali, fosthom bħala direttriċi mużikali u arranġatriċi vokali fl-okkażżjoni tal-ftuħ uffiċċjali tal-‘Valletta 2018’, li seħħ quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Pamela hija waħda mill-fundaturi u d-direttriċi tal-kor famuż Malti, magħmul minn diversi kantanti popolari Maltin, ‘Animae Gospel Choir’. 


Pamela rebħet ‘L-Għanja tal-Poplu’ (2018) bħala kompożitriċi tal-kanzunetta ‘Meta r-Ramel Jitħallat mas-Silġ’ interpretata minn Jessica Magro u kompożitriċi u awtriċi ta’ tliet kanzunetti semifinalisti f’’Mużika Mużika’ (2022) (‘Jien l-Artist’ ta’ Cherylis; ‘Mil-Lenti Tiegħi’ ta’ Joseph Refalo u ‘Minn Taħt l-Ilsien’ ta’ Avenue Sky). Pamela kitbet diversi siltiet mużikali kemm għaliha personali kif ukoll għal diversi kantanti oħrajn lokali.


Niżżel il-Lirika
MIEGĦEK - TIEGĦEK - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 198KB

Artist

Kompożitur

Awtur

Petra

Elton Zarb u Pamela Bezzina

Pamela Bezzina

Artist

Petra

Kompożitur

Elton Zarb u Pamela Bezzina

Awtur

Pamela Bezzina

bottom of page