top of page

Nistenniek

Nistenniek

Sinossi 

Kulħadd joħlom li jiltaqa’ mal-persuna ideali għalih iżda forsi xi kultant dak li jkun idum xi ftit jistenna iżda jibqa’ jittama li jsib lil dik il-persuna perfetta, dik il-persuna li tagħmel lil ħajtu kompluta u b’hekk ma jkun jonqsu xejn iktar. Sabiħ li toħlom u sabiħ li tibqa’ tittama għax kif jgħidu, it-tama hija l-aħħar ħaġa li tmut. Il-kanzunetta ‘Nistenniek’ titkellem dwar dan, u dwar il-fatt li l-kantanta tħossha lesta biex tidħol f’relazzjoni u dak kollu li ġġib magħha. Hi lesta biex tħobb u tesperjenza s-sbuħija ta’ din l-imħabba. Il-kanzunetta tesplora din ix-xewqa, xewqa li wieħed jispiċċa jistaqsi jekk dak li qed tirrakkonta hux qed iseħħ f’ħolma jew le.  


Bijografiji 

Kelsey Bellante – Artist

Kelsey Bellante, għandha 21 sena u taħdem għal rasha bħala beautician, tħobb ħafna tgawdi l-ħajja u tħobb taħdem għal dak kollu li tixtieq f’ħajjitha. Taf tħobb u tieħu gost tgħin lil kull min ikollu bżonn, tagħmel l-irtokk u anke l-irtokk b’effetti speċjali. Kelsey iż-żgħira minn tliet aħwa bniet u ilha tkanta minn meta kellha 11-il sena.


Matul dawn l-aħħar għaxar snin Kelsey ħadet sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali, kif ukoll kompetizzjonijiet internazzjonali. Hi tħoss li kull esperjenza għenitha titgħallem u tikber bħala artista. Ħadet sehem fl-‘X Factor’ tal-Litwanja u rnexxielha tkun semifinalista fl-ewwel staġun ta’ ‘X Factor Malta’, żewġ esperjenzi li żgur sawru lil Kelsey tal-lum il-ġurnata.


Ħarġet numru ta’ cover versions u anke kanzunetti oriġinali tagħha bl-Ingliż. L-aktar waħda riċenti ġġib l-isem ta’ ‘Guilty Love’. Din il-kanzunetta ġiet iffirmata ma’ record label ġewwa Londra, u b’hekk kellha l-opportunità li titla’ Londra u saħansitra għamlet tour ċkejken meta l-kanzunetta ħarġet b’mod uffiċjali fis-suq. Barra minn hekk, kellha x-xorti wkoll li t irrappreżenta lil pajjiżna fid-Dubai Expo tal-2022.



Cyprian Cassar – Kompożitur

Cyprian Cassar huwa kompożitur, arranġatur u produttur li twieled fil-15 t’Awwissu, 1983.  Flimkien mal-ħabib kbir tiegħu Joven Grech, huwa kien jifforma parti mid-duo famuż Tenishia, li kiseb fama internazzjonali wara li kklassifika mal-ewwel 100 fid-DJ Mag għal erba’ snin. Minn meta fetaħ l-istudjow personali tiegħu, Cyprian kellu ċ-ċans li jaħdem ma’ diversi artisti Maltin, fosthom: Janice Mangion, Danica Muscat, Miriana Conte, Rhiannon, Maxine Pace, Enya Magri,  Gaia Cauchi u Kevin Paul. 


Il-kompożizzjonijiet tiegħu: Marchin’ On, fuq lirika ta’ Emil Calleja Bayliss bil-vuċi t’Ela Mangion u My Home, fuq lirika ta’ Matt ‘Muxu’ Mercieca bil-vuċijiet t’Ike u Kaya ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest tal-2018 u tal-2021, u kklassifika fil-5 u t-12-il post, rispettivament. 


Fl-2019, kellu wkoll iċ-ċans li silta li kiteb flimkien ma’ Niall Mooney, Jonas Gladnikoff, Daniel Muscat Caruana, Anna Banks, Fiachna O Braonain u Anna Kearney bl-isem ta’ Banshee tirrapreżenta lill-Irlanda fil-‘Junior Eurovision Song Contest’ tal-2019.



Emil Calleja Bayliss – Awtur

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb il-lirika għall-kanzunetti għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali, kif ukoll barra minn xtutna. Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu. Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta ‘Back To’ u minn hemm qatt ma ħares lura.  


Hu kiseb l-ewwel post fil-festival ‘L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ’ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta ‘Dwell’ u fl-2019 bil-kanzunetta ‘Ħaġar Qim’, filwaqt li fl-2018 rebaħ il-festival ‘L-Għanja tal-Poplu’ bil-kanzunetta ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’. Emil kiseb diversi suċċessi fil-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’ fejn fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta ‘Bħal Fjura’, fl-2018 bil-kanzunetta ‘Il-Pinna’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Nifs’. Fl-edizzjoni taż-żgħażagħ tal-istess konkors,  Emil kiseb l-ewwel post fl-2019 bil-kanzunetta ‘Burdati’, fl-2020 bil-kanzunetta ‘Tfixkluniex, Tħawduniex’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Marelli Ma’. 


Tliet kanzunetti miktuba minnu rrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’: ‘Dawra Tond’ fl-2017, ‘Marchin’ On’ fl-2018, u ‘Chasing Sunsets’ fl-2020. Kanzunetta li żgur li jibqa’ magħruf għaliha hija l-kanzunetta ‘Kewkba’ li kisbet it-tieni post fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ tal-2017.



Niżżel il-Lirika
NISTENNIEK - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 208KB

 

Artist

Kompożitur

Awtur

Kelsey Bellante

Cyprian Cassar

Emil Calleja Bayliss

Artist

Kelsey Bellante

Kompożitur

Cyprian Cassar

Awtur

Emil Calleja Bayliss

bottom of page