top of page

Rumanz

Rumanz

Sinossi 

Sebaħ jum tant mistenni, fejn bħal blanzun li jiftaħ u jfewwaħ il-madwar, fewwaħ il-qlub tagħna li nfetħu beraħ, għatxana għall-imħabba vera, li sibna f’xulxin. Dan hu l-bidu ta’ vjaġġ fejn daqstant ħolm jieħu l-ħajja, filwaqt li nimirħu flimkien lejn orizzonti ġodda. Kullana ta’ tant waqtiet sbieħ li jibqgħu donnhom impittrin f’moħħna, memorji mlewwnin mimlijin ħajja, tifkiriet li nibqgħu ngħożżu f’qalbna. Rumanz li qed ngħixu kuntenti flimkien.


Bijografiji 

Giada – Artist

Jade Vella twieldet fl-24 ta' Settembru tas-sena 2000 u hija kantanta żgħażugħa b’talent kbir u hija wkoll żeffiena. L-ispirazzjoni tagħha bdiet minn ta' età żgħira u mxiet wara l-passi ta' missierha Ian James Vella, kantant u żeffien stabbilit.Jade għadha kemm lestiet l-eżamijiet tal-vuċi ‘Trinity Rock and Pop’ taħt id-direzzjoni ta’ Glen Vella minn ‘Vocal Booth Studios’. Hija diġà ħadet sehem f’festivals u kunċerti lokali kbar kif ukoll f’kompetizzjonijiet internazzjonali fosthom fejn ġiet ikklassifikata fl-ewwel post ġewwa r-Rumanija, fl-2015. Kellha wkoll l-opportunità li titla’ mar-rebbieħa tal-‘Malta Junior Eurovision Song Contest’ tal-istess sena bħala ‘backing vocalist’ kif ukoll żeffiena f'Belarus.


Is-suċċess tagħha kompla jiżdied meta meta fl-2017 kienet waħda mill-finalisti tal-‘Malta Eurovision Song Contest’ bil-kanzunetta ‘Seconds Away’. Fl-2018 Jade irnexxielha tasal sal-Judges' Houses fl-ewwel edizzjoni ta' ‘XFactor Malta’, fejn minn hemm hija kompliet tikber fil-karriera mużikali tagħha.

Sena wara, kienet ukoll waħda mill-finalisti fil-festival ta' ‘L-Għanja tal-Poplu’ bil-kanzunetta ‘Ħallini Nħobbok’, li kienet proprju l-ewwel kanzunetta tagħha bil-Malti. Fl-ewwel edizzjoni ta’ ‘Mużika Mużika’, ipparteċipat flimkien ma’ missierha Janvil bil-kanzunetta ‘Binti’, li għaddiet għas-semifinali.

Din is-sena, Jade kienet ukoll waħda mill-finalisti fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ bil-kanzunetta ‘Revelación’.


Il-messaġġ ta' Jade lis-segwaċi tagħha huwa li qatt m'għandhom jaqtgħu qalbhom għaliex bid-determinazzjoni kulħadd kapaċi jasal fejn irid jasal.



Andrew Zammit – Kompożitur

Andrew Zammit, twieled fid-9 ta’ Awwissu, 1965. Beda jkanta tal-età żgħira ta’ ħames snin, u ftit wara beda jistudja l-kitarra. Fil-karriera mużikali tiegħu ħa sehem f’bosta festivals f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Fosthom, fil-‘CAVAN Song Festival’ fl-Irlanda fejn hemmhekk rebaħ il-premju ‘Best Male Singer’.


Minbarra li hu kantant, Andrew ukoll jikkomponi ħafna kanzunetti, kemm għalih stess kif ukoll għal diversi artisti oħrajn, kemm Maltin kif ukoll barranin. Peress li xogħlu hu dak ta’ inġinier tal-ħoss, hu ħadem ma’ diversi artisti, kemm lokali u anke internazzjonali. 


Andrew għandu ukoll l-istudios tiegħu, fejn jipproduċi ħafna mill-arranġamenti mużikali li jipparteċipaw fil-festivals bħall-‘Eurosong’, ‘Indifest’ u l-‘Festival Kanzunetta Maltija’. Ħadem ukoll fuq albums ta’ kantanti u gruppi mużikali, u pproduċa wkoll xi melodiji li huma magħrufin għalihom xi programmi. 


Fil-preżent huwa jippreżenta programm fuq ir-radju ddedikat għall-mużika Maltija bl-isem ta’ ‘Miegħi Maltin’ fuq l-istazzjon ‘Campus FM’.



Keith Zammit – Awtur

L-awtur Keith Zammit, twieled fil-21 ta’ Mejju, 1983 u għex u trabba l-Mosta. Beda jikteb il-lirika fl-età ta’ 16-il sena. Ħa sehem f’diversi konkorsi bħal l-‘Għaqda l-Melodija’ u ‘Ilwien Mużikali’, fost oħrajn, fejn il-kanzunetti tiegħu kklassifikaw fl-ewwel tliet postijiet diversi drabi.Fl-2005, kiteb il-kanzunetta, ‘Tolleranza’ li wasslitu sat-tielet post ta’ ‘L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ’. Il-kitbiet tiegħu kienu wkoll fost il-finalisti ta’ ‘L-Għanja tal-Poplu’ kif ukoll fost il-finalisti tal-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’. Fl-2011 żewġ kanzunetti milli kiteb waslu sal-finali tal-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza:Talent Żagħżugħ’, fejn irnexxielu jikklassifika bihom fit-tieni u fit-tielet post.


Keith kien finalist fil-‘Malta Eurosong’ fl-2010 u fl-2011.Fl-2014, Keith kellu żewġ kanzunetti finalisti fil-‘Malta Summer Hit Song Contest’ u kklassifika fit-tieni post bil-kanzunetta ‘My Hero’.

Keith kiteb il-lirika ta’ diversi kanzunetti bil-għan li dawn jixxandru fuq ir-radju. Is-sajf li għadda, ‘Żiffa Sajfija’ għamlet disa’ ġimgħat konsekuttivi fl-aqwa 20 kanzunetta f’Malta tal-Maltin, u laħqet il-quċċata wara biss tliet ġimgħat.


Niżżel il-Lirika
RUMANZ - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 170KB

Artist

Kompożitur

Awtur

Giada

Andrew Zammit

Keith Zammit

Artist

Giada

Kompożitur

Andrew Zammit

Awtur

Keith Zammit

bottom of page