top of page

Sabiħa

Sabiħa

Sinossi 

Wara ħafna qtigħ-il qalb, meta deher li ntemm kollox għalija, ġejt int u ħajti reġgħet bdiet mill-bidu. Kif nista’ ma narakx sabiħa? M’intix sabiħa minn barra biss, imma minn ġewwa wkoll. Saħansitra, anke meta narak tirrabja għal xi ħmerija tiegħi. Minkejja li aħna differenti ħafna, mhux biss fl-imgħoddi tagħna, xorta naqblu u nikkumplimentaw lil xulxin.


Bijografiji 

Gianluca Bezzina – Artist

Gianluca huwa tabib speċjalizzat fil-qasam tad-dipendenza. Huwa miżżewweġ lil Vanessa u għandhom żewġt itfal, Lyla u Paolo, u bħalissa ħerqanin jistennew it-twelid tat-tielet tarbija tagħhom. Fil-qasam mużikali huwa magħruf l-aktar għall-pożizzjoni sabiħa li kiseb fil-‘Eurovision Song Contest’ tal-2013 bil-kanzunetta ‘Tomorrow’, li minbarra li kklassifikat fit-tmien post, daħlet fiċ-charts madwar l-Ewropa kollha, inkluż it-‘Top 40’ uffiċjali Ingliża – l-ewwel darba għal artist Malti. Wara dan is-suċċess, ħareġ l-ewwel album tiegħu ‘Waiting for Tomorrow’, kif ukoll l-album ‘Cartographers’, mal-band Funk Initiative. Irċieva nominazzjonijiet għall-aqwa artist u l-aqwa filmat Mużikali’ fil-‘Malta Music Awards’ tal-2013, u qasam il-palk ma’ diversi artisti internazzjonali, fosthom Zucchero, Riccardo Cocciante, Joseph Calleja, u Rebecca Ferguson. Kien mistieden ikanta darbtejn waqt l-‘Isle of MTV’; bħala solist fl-2013, u ma’ Funk Initiative is-sena ta’ wara. Huwa jifforma wkoll parti mill-band Pilgrim & King bħala parti mill-ħidma tiegħu maż-żgħażagħ, li magħhom ħareġ l-albums ‘Glorious’ u ‘This is Grace’. Gianluca għadu attiv ħafna fix-xena mużikali u jifforma wkoll parti minn The Tailors u Mogadishu li magħhom ħareġ diversi singles. L-aktar riċenti huma ‘Just Enough’ u ‘Same Shoes Different Day’. 



Philip Vella – Kompożitur

Sa minn età tenera, Philip tgħallem idoqq il-kitarra u ma tantx dam ma beda jinteressa ruħu jikteb xi kanzunetta. Infatti, spiċċa biex kiteb bosta kanzunetti għal diversi artisti Maltin, b’involviment kemm fil-produzzjoni kif ukoll fir-recordings ta’ ħafna mill-albums ewlenin li ħarġu f’pajjiżna.

Għaldaqstant, il-lum il-ġurnata, Philip huwa meqjus bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin f’pajjiżna. Huwa rebaħ diversi kompetizzjonijiet mużikali b’materjal li kkompona, fosthom: il-‘Malta Eurovision Song Contest’, ‘Festival tal-Kanzunetta Maltija’, ‘L-Għanja tal-Poplu’ u l-ewwel edizzjoni tal-festival prestiġjuż ‘Mużika Mużika’. Philip kiseb riżultati prestiġjużi fosthom it-tieni post fis-sena 2002 bil-kanzunetta ‘7th Wonder’. Ħa sehem b’suċċess f’ħafna festivals barra minn xtutna fejn kiseb riżultati prestiġjużi fosthom fi Franza, l-Olanda, it-Turkija, il-Bulgarija, Slovenja, il-Belġju, u oħrajn.


Philip iħobb ħafna lil raħal twelidu, il-Mellieħa, u fuq inizzjattiva tal-kunsill lokali  kiteb żewġ musicals: ‘El Mellaħa’ u aktar riċenti, ‘Naħal tal-Imħabba’.


Joe Julian Farrugia - Awtur

Joe Julian Farrugia huwa kittieb, xandar u awtur tal-lirika. Fis-snin disgħin beda jieħu sehem fil-festivals nazzjonali ta’ pajjiżna b’mod regolari. Rebaħ għadd ta’ festivals lokali fosthom il-‘Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija’ fl-2013 u ‘Mużika Mużika’ fl-2021. Fost festivals internazzjonali, rebaħ il-festival internazzjonali ‘Discovery’ li jsir fil-Bulgarija darbtejn u l-festival ‘Ti Amo’ tar-Rumanija ħames darbiet. Kiteb xogħolijiet għall-palk, fosthom produzzjonijiet soċjali, ballata, pantomimi u musicals fosthom ‘Caravaggio: The Musical’. Kiteb il-‘Kor Sinfoniku Elfejn u Tmintax’ li fetaħ uffiċjalment is-sena tal-‘Valletta 2018’, u ‘Malta The Place To Be’, musical qasir li rrappreżenta lil Malta fid-‘Dubai Expo’. Ħareġ ħames kotba: erba’ bijografiji ta’ personaġġi Maltin u r-rumanz ‘Strada Stretta’. Beda fix-xandir fuq ir-radju fl-1993. Wara xi żmien qaleb għat-televiżjoni billi pproduċa, idderieġa, u kiteb diversi programmi. Fost oħrajn, kien produttur u kiteb il-maġġoranza tal-episodji ta’ ‘Bijografiji’. Kiteb ukoll għadd ta’ drama għat-televiżjoni, kif ukoll poemi għat-televiżjoni u r-radju. Illum ixandar il-programm għar-radju ‘Joe Julian Filgħodu’.


Niżżel il-Lirika
SABIĦA - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 199KB

Artist

Kompożitur

Awtur

Gianluca Bezzina

Philip Vella

Joe Julian Farrugia

Artist

Gianluca Bezzina

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Joe Julian Farrugia

bottom of page