
Skont Liema Triq

Skont Liema Triq
Sinossi
Kollha kemm aħna tlifna lil xi ħadd għażiż għalina u minħabba f’hekk ħassejna li d-dinja spiċċat. Imma fil-fond ta’qalbna nafu li dawk li ħabbewna tant u kellhom jitilqu qabilna, dejjem iħarsu fuqna, u żgur li jixtiequ jarawna nibqgħu għaddejjin għax il-ħajja tkompli u hija rigal u m’għandniex naħluha. Jekk vera ħabbejniehom, m’għandniex inħalluhom jarawna nitilfu triqitna għax huma zġur li mhux hekk jixtiequ għalina.
Bijografiji
Miriam Christine – Artist
Miriam Christina hija kantawtriċi u omm ta’ żewġt itfal, Rio u Luna. Miriam Christine ilha fix-xena mużikali għal iktar minn 38 sena. Matul is-snin, ħadet sehem f’diversi kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tal-kant fejn tispikka r-rebħa tagħha fil-‘Maltese Song For Europe’ tal-1996 bil-kanzunetta ‘In A Woman’s Heart’. Biha hi kienet irrappreżentat lil Malta fil-‘Eurovision Song Contest’ li ttella’ fin-Norveġja. Miriam Christine kantat f’diversi kunċerti, sewwa f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna, f’postijiet bħal Franza, l-Italja, il-Ġermanja, in-Norvegja, il-Litwanja, Dubai, il-Kanada, it-Turkija, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit u l-Iżrajel. Fost id-diski ta’ Miriam Christine insibu s-singles ‘In a Woman’s Heart’, ‘Mama’, u ‘Safe’, kif ukoll CD albums ‘Smile ‘n’ Shine’, ‘L-Emigrant’, ‘Little Zee’, u ‘Dil-Mara’. Il-mużika hija parti importanti ferm fil-ħajja tagħha, iżda Miriam Christine tħobb ukoll is-safar, issajjar, taqra, il-baħar u ssegwi bosta sport. L-artisti favoriti tagħha huma Whitney Houston, Queen, Earth Wind & Fire, Alicia Keys, u Muse, fost ħafna oħrajn.
Ray Agius – Kompożitur
Ray Agius huwa isem familjari fix-xena tal-mużika Maltija. Ta’ 17-il sena beda jikkomponi l-ewwel kanzunetti meta ltaqa’ ma’ Alfred C. Sant, li t-tnejn għadhom jikkollaboraw flimkien sal-ġurnata tal-lum.
Hu pparteċipa b’suċċess f’diversi festivals internazzjonali fil-Ġappun, fiċ-Ċili, il-Kanada, l-Irlanda, it-Tuneżija, l-Eġittu, is-Slovakja, it-Turkija, ir-Rumanija u l-Kazakhstan.
Fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet Ray Agius rebaħ il-‘Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija’ diversi drabi bil-kanzunetti: ‘Separju’, ‘Kompjuter’, ‘Tbissem Lanterna’, ‘Aħfirli’, ‘Min Jaf Għalfejn’, u ‘Sal-Aħħar’.
Ray irrappreżenta lil Malta fil-‘Eurovision Song Festival’ fl-Irlanda b’’Keep Me In Mind’ u ‘Let Me Fly’ fejn fiż-żewġ okkażżjonijiet Ray idderieġa l-orkestra.
Kien ippremjat bħala kompożitur fil-‘Malta Music Awards’ fl-1995 u fl-1997.
Fl-1998 ingħata il-‘Best Composer Award’ fil-‘Voice Of Asia Festival’ fil-Kazakhstan u fl-2001 kien onorat b’‘Lifetime Achievement Award’ fil-‘Mega Hit Mediterranean Song contest’ f’Antalja, it-Turkija.
Fl-2003, ingħata l-unur ‘Ġieħ il-Mosta’ bħala rikonoxximent tal-karriera mużikali tiegħu. Fost kanzunetti popolari tiegħu insibu l-‘Ewwel Tfajla Li Ħabbejt’, ‘Dak Kien Żmien’, ‘Fjura fil-Kantina’ u ‘Fejn Tħobb il-Qalb’.
Alfred C. Sant – Awtur
Alfred C. Sant huwa veteran fil-qasam tal-kanzunetta Maltija. Hu qed jipparteċipa fil-festival ‘Mużika Mużika’ 2023 bil-kanzunetta ‘Skont Liema Triq’ li kiteb ma’ Ray Agius, kompożitur li miegħu Alfred ilu jikkolabora. Bosta mill-kanzunetti tagħhom ġew premjati f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna.
Alfred beda jikteb għall-festivals fis-sena 1969, u kważi kien regolari kull sena bis-sehem tiegħu.
Mill-lista ta’ kanzunetti magħrufa, insibu fosthom ‘L-Ewwel Tfajla li Ħabbejt’, ‘Il-Bagalja tal-Injam’, ‘Il-Kuġin Ġiljan’, ‘Qalb ta’ Kampanjol’, ‘Mużika Mużika’, ‘Fjura fil-Kantina’, ‘Fejn Tħobb il-Qalb’ u ‘L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel’.
Għall-ħidma tiegħu, Alfred ġie onorat f’okażżjonijiet diversi. Fil-‘Malta Music Awards’ tal-1995 bħala awtur u għas-CD tas-sena, fl-1997u ġieħ mill-‘Australian Maltese Chamber of Commerce’ għall-akkwist fis-‘South Pacific Song Contest’. Fl-2011, fil-preżentazzjoni ‘Maltin Oriġinali’ hu ġie mgħoti l-unur għas-siewi fil-kontribuzzjoni lejn il-kanzunetta Maltija. Hekk ukoll, fis-serata ‘One Tribute’ flimkien ma’ Ray Agius, ġew preżentati bi trofej għas-sehem tagħhom. Alfred ingħata ġieħ f’L-Għanja tal-Poplu’ għall-għanja li tibqa’ apprezzata bl-ilsien malti. Fis-sena 2014, ingħata ‘Ġieħ il-Mosta’, il-lokalità ta’ twelidu, bħala rikonoxximent għall-impenn tiegħu. Fis-sena 2019 ingħata l-medalja fil-qadi tar-repubblika.
Niżżel il-Lirika

Artist
Miriam Christine

Kompożitur
Ray Agius
