Festivals Malta

13, Europa Centre,

John Lopez Street, Floriana FRN1400, MALTA

© 2020 Mużika Mużika by Festivals Malta

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Teżor

Kantanta

Janice Mangion ft. George Curmi Pusè

Kompożitur

Cyprian Cassar u Mark Scicluna

Awtur

Emil Calleja Bayliss

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Sinossi

Fil-ħajja hawn min ikun iffurtunat biżżejjed li jsib l-imħabba ta’ ħajtu, oħrajn idumu jfittxuha din l-imħabba... hemm min isibha u hemm min jibqa’ jfittex. Iżda dawk li jsibuha jafu li jkunu sabu l-isbaħ teżor, teżor imprezzabbli li jiġri x’jiġri ħa jħalli impatt fuq ħajjithom. Impatt pożittiv b’tant episodji ta’ hena, ferħ u kuntentizza.


Il-fatt li f’ħajtek għandek preżenza speċjali ħa twassal għal żmien ferm aktar feliċi speċjalment fil-mumenti intimi bejn iż-żewġ maħbubin. Permezz ta’ din l-imħabba wieħed jispiċċa iħares lejn il-ħajja minn lenti pożittiva, tant li l-ħolm jissawwar f’realtà. F’dik l-imħabba int tkun sibt teżor, b’djamant li jdawwal ħajtek kull fejn ikun meħtieġ.


Tista’ tgħid li din is-sinfonija ta’ mħabba tilħaq il-milja tagħha mad-daqq tal-vjolin li flimkien mal-interpretazzjoni mill-qalb joħloq armonija perfetta. Dwett ta’ mħabba li tkompli tikber tul il-kanzunetta u l-passjoni tkompli ħierġa aktar ċara fl-interpretazjoni passjonanti ta’ dawn iż-żewġ strumenti, il-vuċi u l-vjolin.

Janice Mangion ft. George Curmi Puse’

Imwielda fis-27 ta’ Frar, 1989, Janice bdiet turi interess fil-mużika u għaldaqstant tħarrġet fil-kant meta kellha 12-il sena, iżda fl-addoloxxenza tagħha, l-attenzjoni daret fuq it-teorija tal-mużika u t-tagħlim tal-pjanu. L-introduzzjoni tagħha fil-pubbliku ġiet fl-2007, meta ġiet magħżula bħala waħda mill-parteċipanti tal-programm “L-Isfida” fuq Television Malta. 


Fis-snin ta’ wara, Janice bdiet taħdem fuq diversi kanzunetti oriġinali, li preżentat f’numru ta’ festivals lokali u li bihom, waslet sal-finali tal-“Konkors Kanzunetta Indipendenza”; “L-Għanja tal-Poplu”; “Is-Summer Hit Song Contest” u “l-Malta Eurovision Song Contest”. F’dan tal-aħħar, klassifikat fit-2 post bil-kanzunetta “Kewkba”. 


Wara dan is-suċċess, Janice rrapreżentat lil Malta fis-“Slavinski Bazaar” fil-Belarussja fejn klassifikat mal-ewwel 8, kif ukoll fid-“Discovery Music Festival” fil-Bulgaria fejn ġiet premjata l-Aqwa Kantanta femminili.

Hi ħadet sehem ukoll b’suċċess “fl-Għanja tal-Poplu” 2019 fejn ġiet mogħtija l-Premju għall-Aqwa Interpretazzjoni għall-kanzunetta “Għadu Mhux il-Waqt”. 


Jakkumpanjaha f’din il-kanzunetta huwa George Curmi, magħruf bħala il-Puse’. Imwieled fl-10 t’Awwissu 1966, huwa meqjus bħala vjolinist ewlieni li kellu ċ-ċans jdoqq ma’ diversi artisti internazzjonali fosthom Shirley Bassey. Għal 21 sena, huwa kien jagħmel parti mill-Orkestra tat-Teatru Manoel.


Cyprian Cassar

Cyprian Cassar huwa kompożitur, arranġatur u produttur li twieled fil-15 t’Awwissu 1983. Flimkien mal-ħabib kbir tiegħu Joven Grech, huwa kien jifforma parti mid-duo famuż “Tenishia”, li kiseb fama internazzjoni wara li klassifika mal-ewwel 100 fid-“DJ   Mag” għal erba’ snin.


Minn meta fetaħ l-istudjo personali   tiegħu, Cyprian kellu ċ-ċans li jaħdem ma’ ddiversi artisti Maltin fosthom: Danica Muscat; Enya Magri; Gaia Cauchi, Kevin Paul u Janice Mangion, li magħha pproduċa “Warda”, “Xewqti”, “Sajjetta   fil-Bnazzi” kif ukoll “Kewkba”, il-kanzunetta bil-Malti li klassifikat fit-tieni post fil-“Malta Eurovision Song Contest” 2017.

Il-kompożizzjonijiet tiegħu: “Marchin’ On”, fuq lirika ta’ Emil Calleja Bayliss bil-vuċi t’Ella Mangion ġiet magħżula biex tirrapreżenta ‘l Malta fil-“Junior Eurovision Song Contest”  tas-sena 2018, u klassifikat fil-5 post; u “Banshee”, li kiteb flimkien ma’ Niall Mooney, Jonas Gladnikoff, Daniel Caruana, Anna Banks, Fiachna O Braonain u Anna Kearney irrapreżentat lill-Irlanda fil-“Junior Eurovision Song Contest” tas-sena 2019, u klassifikat f’pożizzjoni numru 12.


Mark Scicluna

Mark Scicluna twieled fit-12 ta’ Ottubru 1984 u huwa residenti fil-lokalita` tas-Siġġiewi. Ix-xogħol ewlieni tiegħu huwa ta’ għalliem tad-disinn grafiku. Huwa beda jinteressa ruħu fil-mużika minn eta` żgħira, beda jdoqq il-pjanu u   jistudja l-mużika klassika sakemm beda wkoll jikkomponi l-mużika tiegħu stess.


Hu ħa sehem f’diversi konkorsi lokali bħala kompożitur u anke bħala awtur. Uħud mill-kompożizzjonijiet tiegħu li baqgħu popolari mas-segwaċi tal-kanzunetta Maltija huma il-kanzunetta “Jien Ma Naħdimx” tal-kantantawtriċi Karen DeBattista li rebħet “L-Għanja tal-Poplu” 2014, il-kanzunetta “Kewkba”  tal-kantanta Janice Mangion li klassifikat fit-tieni post fil-“Malta Eurovision Song Contest” 2017, u kif ukoll il-kanzunetta “Poeta Bla Kliem” tal-kantant Mark Tonna li klassifikat fit-tieni post fil-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija 2013.


Emil Calleja Bayliss

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali kif ukoll barra minn xtutna.


Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu   għal qalbu mmens. Emil rebaħ “L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ” bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta “Dwell” u fl-2018 bil-kanzunetta “Ħaġar Qim”. Fl-2018 irnexxielu jirbaħ il-festival “L-Għanja tal-Poplu” bil-kanzunetta “Mhux Kulma Jleqq Deheb”.


Emil kiseb diversi suċċessi fil-“Konkors Kanzunetta Indipendenza”; fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta “Bħal Fjura” u fl-2018 bil-kanzunetta “Il-Pinna” filwaqt li rebaħ it-talent ġdid erba’ darbiet; fl-2014, fl-2016, fl-2017 u fl-2018.


Emil rebaħ il-“Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior” fl-2019 bil-kanzunetta “Burdati” u fl-2020 bil-kanzunetta “Tfixkluniex, Tħawduniex”. Hu rrappreżenta lil Malta fil-“Junior Eurovision Song Contest” tliet darbiet; fl-2017 bil-kanzunetta “Dawra Tond”, fl-2018 bil-kanzunetta “Marchin’ On” u fl-2020 bil-kanzunetta “Chasing Sunsets”.


Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2015 bil-kanzunetta “Back To” u minn hemm qatt ma ħares lura. Żewġ kanzunetti li żgur li jibqa’ magħruf għalihom huma “Poeta Bla Kliem” li kisbet it-tieni post fil-“Festival Kanzunetta Maltija” fl-2013 u l-kanzunetta “Kewkba” li kisbet it-tieni post fil-“Malta Eurovision Song Contest” fl-2017.