Kyle George

Tgħidlix Għalfejn

Kantant

Kyle George

Kompożitur

Cyprian Cassar

Awtur

Clifton Casha

Sinossi

Fil-versi inizjali tal-kanzunetta “Tgħidlix Għalfejn” nosservaw id-diżappunt ta’ meta l-valuri essenzjali f’relazzjoni ma jkunux reċiprokati miż-żewġ naħat. Jiġu żminijiet fejn nibdew niddubitaw dak li dejjem emminna fih u l-ħajt li nbena bejn din il-koppja ħoloq biss birda u xkiel. Il-Malti jgħid li min jistenna jithenna, iżda paradossalment għal dan, il-kanzunetta tieħu xeħta ribelluża meta l-bniedem jiddeċiedi li jirrifjuta, darba għal dejjem, l-imħabba li tant emmen fiha jekk din terġa’ tippreżenta ruħha għandu. Hija tassew ħasra kif relazzjoni tista’ tinbidel ħesrem u żewġ persuni li kienu jagħtu kollox għal xulxin spiċċaw qishom barranin. Il-fjamma passjonali li xi darba kien hemm tnemnem fil-qlub tagħhom spiċċat inftiet għalkollox. Fil-parti konklussiva nifhmu kif mhux dejjem faċli tibqa’ tittama għal tmiem ferrieħi u, xi kultant, l-aħjar soluzzjoni tkun li tagħlaq il-bieb u tibda paġna ġdida sabiex tkun tista’ tapprezza kapitli ġodda.


“Tgħidlix Għalfejn” hi miktuba fuq stil Pop Blues, stil innovattiv li mhux imdorrijin nisimgħu f’pajjiżna. Il-kanzunetta għandha wkoll laqta moderna b’mużika u melodija tal-widna li taghmilha tassew oriġinali.

Kantant

Kyle twieled nhar it-22 ta’ Diċembru 2000 u huwa l-iżgħar fost tliet aħwa. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ Birżebbuġa u kompla s-snin tas-sekondarja fil-Kulleġġ ta’ Santu Wistin. Kompla bl-istudji postsekondarji tiegħu fl-MCAST fejn kiseb diploma fil-kors ‘Creative Media’ kif ukoll degree fil-BA(Hons.) Creative Media Productions fi ħdan l-istess Kulleġġ. Il-passjoni lejn il-mużika bdiet titrawwem fih meta, ta’ madwar 13/14-il sena, wera x-xewqa li jitħarreg fil-vuċi u beda jattendi lezzjonijiet vokali mas-sopran Ruth Sammut Casingena u aktar tard ma’ Joshua De Cadenéx, fejn żviluppa aktar l-istil tiegħu. Fit-tieni staġun tal-X Factor, Kyle ttanta xortih u rnexxielu jasal sas-serata finali fejn ikklassifika fir-raba’ post. Matul dan il-vjaġġ, Kyle wera kemm hu versatili f’leħnu, u fil-finali, iddebutta wkoll bl-ewwel kanzunetta oriġinali tiegħu. Waqt ix-xhur li l-pandemija ċaħħditu milli jibqa’ jagħmel dak li tant iħobb, Kyle George, kif inhu magħruf mużikalment, kompla jikteb u jikkomponi l-kanzunetti tiegħu stess. Fil-fatt, ħareġ 2 singles, b’waħda minnhom, “Do You Right”, issib postha saħansitra fil-klassifiki Maltin.

Kompożitur

Cyprian kien introdott għall-mużika klassika meta kellu biss 10 snin, minn missieru. Beda jdoqq il-pjanu, il-kitarra, u anka l-bass guitar. Meta kellu 17-il sena beda jinteressa ruħu fil-mużika elettronika u sentejn wara kien diġà kellu l-ewwel studio tiegħu. Wara li ltaqa’ ma’ Joven Grech iffurmaw id-duo Tenishia, proġett li kiseb ħafna riżultati tajbin barra minn xtutna fejn safrattant ikklassifikaw fil-50 post fid-dinja (DJ MAG TOP 100 DJS). Cyprian irnexxielu jdur id-dinja jdoqq il-mużika tiegħu ma’ Tenishia u rebaħ ħafna premjijiet. Meta Cyprian telaq minn Tenishia fl-2016, beda jikkomponi l-mużika għal kantanti Maltin u barranin. Huwa ħadem ma’ ħafna artisti fuq diski oriġinali li kisbu suċċess f’pajjiżna.

Awtur

Clifton Casha twieled fis-26 t’Awwissu 1985 u minn età tenera studja l-proża u l-poeżija u kif jipproduċi xogħlijiet artistiċi differenti. Clifton ilu għalliem għal dawn l-aħħar erbatax-il sena u kiteb xogħlijiet għall-Pantomimi u għal Jum iċ-Celebrazzjoni. Wieħed mix-xogħlijiet skolastiċi tiegħu kien il-proġett “Bejn l-Għabex u ż-Żerniq” fuq kitba ta’ Trevor Zahra b’direzzjoni mużikali tal-Maestro Ray Sciberras. Il-kanzunetti li kkomponew Sciberras u Casha ttellgħu mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fl-2014, Clifton ikkollabora ma’ diversi artisti u kompożituri lokali u kellu kanzunetti fil-“Konkors Kanzunetta Indipendenza”, li tnejn minnhom ikklassifikaw fir-raba’ u fis-sitt post rispettivament. Kien ukoll awtur finalista fl-Għanja tal-Poplu 2015 u fl-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2019. Illum, Clifton qed jikkollabora ma’ artisti lokali u internazzjonali varji u jħobb jesperimenta b’diversi stili ta’ mużika b’ħoss modern u melodija tal-widna. Għadd ta’ kanzunetti li kiteb kellhom ukoll rispons qawwi fuq ir-radjijiet u l-klassifiki lokali. Clifton jemmen bis-sħiħ li l-lirika hija aspett importanti ħafna fil-vjaġġ artistiku tiegħu u l-għan ewlieni huwa li, permezz ta’ dan l-istrument, jirnexxielu jwassal messaġġi li jqanqlu emozzjonijiet differenti.

B'kollaborazzjoni ma'

Kantant

Kompożitur

Awtur

Kyle George

Cyprian Cassar

Clifton Casha

Tgħidlix Għalfejn

Kantant

Kyle George

Kompożitur

Cyprian Cassar

Awtur

Clifton Casha