Kantera

Tkun 'L Hawn Għaddi

Kantant

Kantera

Kompożitur

Elton Zarb

Awtur

Joe Julian Farrugia

Sinossi

Il-ħajja ta’ llum mgħaġġla wisq u timponi fuqna li jkollna naħdmu bla waqfien biex ma naqgħux lura. Naslu f’sitwazzjoni meta ninsew lilna nfusna u fuq kollox, minbarra li naħdmu u nitħabtu, jeħtieġ ukoll li ngħixu. TKUN ’L HAWN GĦADDI hija sejħa li kultant inwarrbu r-rutina, nieqfu ftit u f’ambjent ta’ ħbiberija ingawdu ħajjitna. Il-ħajja sabiħa u mhux sew ma jkollniex waqtiet li fihom nistrieħu. Inwarrbu l-mobile, mezz modern li iżda qiegħed iġorrilna x-xogħol kull fejn inkunu, għal 24 siegħa kuljum. Bl-użu ta’ idjomi Maltin magħrufa, din il-kanzunetta hija sejħa anki biex nissoċjalizzaw u minflok ikollna biss kollegi tax-xogħol, ikunu wkoll ħbieb fil-ħin tar-rilassament.

Kantant

Il-band Kantera twaqqfet fl-2020 bl-għan li tressaq il-ġeneru folk tradizzjonali Malti qrib dak modern. Fl-istil mużikali ta’ Kantera, jingħaqdu flimkien strumenti marbuta mal-folklor mużikali Malti u strumenti mużikali elettroniċi moderni biex jinħoloq ħoss uniku — mużika tal-preżent li titkellem fl-istess waqt mill-ġejjieni u mal-imgħoddi.


L-istil ta’ kanzunetta li qed tipproduċi Kantera huwa maħdum fuq lirika Maltija li tmiss temi soċjali u kulturali tal-mument tagħna u dak passat, bl-użu ukoll ta’ qwiel u idjomi Maltin u bl-involviment ta’ talent minn Malta u minn Għawdex.


Fis-sena 2020, meta ġiet iffurmata l-band, ħriġna żewġ kanzunetti oriġinali bil-Malti bl-isem ta’ “L-Ewwel Jien” u “Tliet Kitarri u Mandolina”. L-ewwel kanzunetta tagħna kienet “L-Ewwel Jien” proprju waqt il-festival ta’ Mużika Mużika – Kanzunetta Maltija 2020, li biha kklassifikajna fit-tielet post.

L-istil ta’ Kantera nħoloq sabiex iressaq liż-żgħażagħ u l-adolexxenti qrib aktar tal-folk u t-tradizzjoni Maltija permezz tal-mod kif l-istrumenti u l-lirika fil-kanzunetti tagħna jaħdmu ma’ xulxin. Din mużika fejn l-imgħoddi jżur il-preżent, u jingħaraf fil-waqtiet li ngħixu aħna u nivjaġġaw mal-ħoss folk modern.

Kompożitur

Elton Zarb, miż-Żejtun, ilu għal dawn l-aħħar 20 sena jaħdem fil-qasam mużikali, fejn ħadem fuq diversi proġetti ma’ artisti varji kif ukoll kiteb mużika għal diversi musicals u films internazzjonali. Matul iż-żmien, il-kanzunetti tiegħu daħlu fir-radio charts kemm lokalment kif ukoll internazzjonalmet u rebaħ diversi festivals. Fl-2014 u fl-2016 rispettivament kiteb il-mużika li wasslet sabiex Malta tirbaħ il-Junior Eurovision Song Contest bil-kanzunetti interpretati minn Gaia Cauchi u Destiny rispettivament. Fl-istess snin, flimkien mat-timijiet rebbieħa tal-Junior Eurovision, ingħata Ġieħ ir-Repubblika mill-President ta’ Malta.


Fl-2018 ġie fdat sabiex fuq lirika ta’ Joe Julian Farrugia jikkomponi “Elfejn u Tmintax”, sinfonija għall-okkazzjoni tal-ftuħ tal-Vallatta 2018 bħala l-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura. Fl-2019 inħatar bħala President tal-Għaqda Banda Żejtun, għaqda fejn Elton ħa l-ewwel taħriġ mużikali tiegħu. Fl-2020, permezz tal-grupp Kantera, ikklassifika fit-tielet post fl-ewwel edizzjoni tal-festival Mużika Mużika, festival tal-kanzunetta Maltija.

Awtur

JOE JULIAN FARRUGIA huwa kittieb, xandar u awtur tal-lirika. Fis-snin disgħin beda jieħu sehem fil-festivals nazzjonali ta’ pajjiżna b’mod regolari. Fl-1999 American Airlines ntgħażlet kanzunetta minn tiegħu biex tindaqq kull meta tintalab diska minn Malta fuq l-ajruplani tagħhom. Rebaħ għadd ta’ festivals lokali fosthom il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija 2013 u Mużika Mużika 2021. Fost festivals internazzjonali, rebaħ darbtejn il-festival internazzjonali Discovery li jsir fil-Bulgarija u l-festival Ti Amo tar-Rumanija ħames darbiet. Kiteb il-Kor Sinfoniku ELFEJN U TMINTAX li fetaħ is-sena tal-Valletta 2018 uffiċjalment. Kiteb xogħlijiet għall-palk fosthom produzzjonijiet soċjali, ballata, musicals u l-pantomima bil-Malti tal-Milied 3 darbiet. Ħareġ erba’ kotba ta’ bijografiji ta’ personaġġi Maltin. Beda fix-xandir fuq ir-radju fl-1993. Wara żmien qaleb għat-televiżjoni billi pproduċa, idderieġa u kiteb diversi programmi. Fost oħrajn, kien producer tal-programm Bijografiji u kiteb il-maġġoranza tal-episodji. Kiteb ukoll għadd ta’ drammi għat-televiżjoni, kif ukoll poeżiji għat-televiżjoni u r-radju. Illum ixandar il-programm għar-radju Joe Julian Filgħodu.

B'kollaborazzjoni ma'

Kantant

Kompożitur

Awtur

Kantera

Elton Zarb

Joe Julian Farrugia

Tkun 'L Hawn Għaddi

Kantant

Kantera

Kompożitur

Elton Zarb

Awtur

Joe Julian Farrugia