top of page

Verdett

Verdett

Sinossi 

Sirna ngħixu f’dinja li tista’ tgħid mhux faċli li tħobb lilek innifsek kif ġieb u laħaq għax niġu influwenzati minn dak li naraw madwarna. Ħafna drabi l-midja tpinġilna immaġini ta’ dak li hu meqjus normali– ta’ dak li hu meqjus perfett. Iżda, fil-verità, dan l-ideal ma jeżistix. Kulħadd għandu s-sabiħ tiegħu u d-dinja hi interessanti minħabba l-individwalità tagħna lkoll. Iżda sfortunatament,  dejjem se ssib lil min jikkritika u lest sabiex jipprova jkisser lil dak li jkun, speċjalment jekk il-persuna tkun xi ftit vulnerabbli u ma temminx daqstant fiha nnifisha. Il-kanzunetta ‘Verdett’ tista’ tgħid li hija innu sabiex dak li jkun jemmen fih innifsu, ma jagħti kas lil ħadd u jħossu komdu fil-ġilda tiegħu, anke jekk imur lil hinn minn norma u dak li hu meqjus perfett jew normali. 


Bijografiji 

Enya Magri  – Artist

Imwielda fit-8 ta’ Marzu, 2002, Enya Magri tisħaq li l-ewwel memorji tagħha tkanta jeħduha għall-età tenera ta’ 4 snin, iżda l-esperjenza minn tfulitha li tibqa’ ttimbrata f’moħħha hi l-parteċipazzjoni tagħha fit-52 edizzjoni taz-‘Zecchino d’Oro’. Din kienet l-ewwel esperjenza vera tagħha, imma fi tfulitha segwew diversi esperjenzi oħrajn f’għadd ta’ pajjiżi.


Wara pawsa qasira, Enya rritornat fix-xena tal-mużika b’għadd ta’ kanzunetti oriġinali: ‘Safe Haven’, ‘Summer Lights’, ‘Feelin’’ u ‘Shame u Love Me Like’. Dawn l-aħħar tnejn li tnedew fl-2022, għandhom sinifikat speċjali għaliex bihom Enya ħadet sehem fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ u l-ispettaklu mondjali ‘Isle of MTV’.


Adrian ‘ir-Russu’ Brincat  – Artist

Adrian ‘ir-Russu’ Brincat huwa mużiċist b’aktar minn 30 sena esperjenza. L-istrument li hu jdoqq hu t-trumbetta u permezz ta’  studju intensiv, kiseb diploma minn The London College of Music. Il-ġeneri li fihom jkollu sehem huma diversi: jazz, klassiku, ska, reggae, funk kif ukoll pop. 

Riċentament, ‘ir-Russu’ irtira mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn għal diversi snin kien il-protagonist ewlieni fejn tidħol it-trumbetta. Il-lum il-ġurnata huwa mużiċist residenti mal-grupp The Riffs u jdoqq ukoll m’artisti rinomati fosthom: Ira Losco u Tribali.



Cyprian Cassar – Kompożitur

Cyprian Cassar huwa kompożitur, arranġatur u produttur li twieled fil-15 t’Awwissu, 1983.  Flimkien mal-ħabib kbir tiegħu Joven Grech, huwa kien jifforma parti mid-duo famuż Tenishia, li kiseb fama internazzjonali wara li kklassifika mal-ewwel 100 fid-DJ Mag għal erba’ snin. 


Minn meta fetaħ l-istudjow personali tiegħu, Cyprian kellu ċ-ċans li jaħdem ma’ diversi artisti Maltin,  fosthom: Janice Mangion, Danica Muscat,  Miriana Conte, Rhiannon, Maxine Pace, Enya Magri, Gaia Cauchi u Kevin Paul. Il-kompożizzjonijiet tiegħu: ‘Marchin’ On’, fuq lirika ta’ Emil Calleja Bayliss bil-vuċi t’Ela Mangion u ‘My Home’, fuq lirika ta’ Matt ‘Muxu’ Mercieca bil-vuċijiet t’Ike u Kaya ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’ tal-2018 u tal-2021 fejn ikklassifikaw fil-5 u t-12-il post, rispettivament. 


Fl-2019, kellu wkoll iċ-ċans li silta li kiteb flimkien ma’ Niall Mooney, Jonas Gladnikoff, Daniel Muscat Caruana, Anna Banks, Fiachna O Braonain u Anna Kearney, bl-isem ta’ ‘Banshee’ tirrappreżenta lill-Irlanda fil-‘Junior Eurovision Song Contest’ 2019.



Emil Calleja Bayliss – Awtur

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb il-lirika għall-kanzunetti għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokalment kif ukoll barra minn xtutna. Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu. Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta ‘Back To’ u minn hemm qatt ma ħares lura.  


Hu kiseb l-ewwel post fil-festival ‘L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ’ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta ‘Dwell’ u fl-2019 bil-kanzunetta ‘Ħaġar Qim’, filwaqt li fl-2018 rebaħ il-festival ‘L-Għanja tal-Poplu’ bil-kanzunetta ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’. Emil kiseb diversi suċċessi fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta ‘Bħal Fjura’, fl-2018 bil-kanzunetta ‘Il-Pinna’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Nifs’. Fl-edizzjoni taż-żgħażagħ tal-istess konkors,  Emil kiseb l-ewwel post fl-2019 bil-kanzunetta ‘Burdati’, fl-2020 bil-kanzunetta ‘Tfixkluniex, Tħawduniex’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Marelli Ma’. 


Tliet kanzunetti miktuba minnu rrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’; ‘Dawra Tond’ fl-2017 ‘Marchin’ On’ fl-2018, u ‘Chasing Sunsets’ fl-2020. Kanzunetta li żgur li jibqa’ magħruf għaliha hija l-kanzunetta ‘Kewkba’ li kisbet it-tieni post fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ tal-2017.



Niżżel il-Lirika
VERDETT - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 167KB

 

Artist

Kompożitur

Awtur

Enya Magri ft. Adrian "ir-Russu" Brincat

Cyprian Cassar

Emil Calleja Bayliss

Artist

Enya Magri ft. Adrian "ir-Russu" Brincat

Kompożitur

Cyprian Cassar

Awtur

Emil Calleja Bayliss

bottom of page