Warajk

Kantant

Franklin Calleja

Kompożitur

Dominic Cini

Awtur

Etienne Micallef

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram

Sinossi

Franklin Calleja

Franklin Calleja twieled fit-22 ta’ Novembru tal-1992. Beda jkanta fil-kor ta’ Doreen Galea, imbagħad bħala solist ukoll. Franklin huwa l-unika wieħed fil-familja kbira tiegħu li għandu mħabba kbira lejn l-mużika. Filfatt l-unika kantant li jiġi mill-familja ta’ Franklin huwa t-tenur ċelebri Oreste Kirkop illi ħalliena fl-1998.


Fl-2012 Franklin ikkompeta għall-ewwel darba fil-programm “Don’t Stop Me Now” ippreżentat minn Eileen Montesin, fejn irnexxielu jirbaħ. Wara huwa kkompeta għall-ewwel darba fil-“Malta Eurovision Song Contest” ta’ 21 sena. Iktar ‘l quddiem Franklin ħa sehem ukoll fi-musical prestiġġjuż “Ġensna”. Fl-2014 Franklin kien parti wkoll minn “Rockestra”. Franklin, flimkien ma’ Alexander Rybak, ħadmu kanzunetta fejn biha ikkompetew fil-“Malta Eurovision Song Contest” tal-2015 li spiċċat mal-aħħar ħames kanzunetti fil-finali.


Fl-2016 Franklin spiċċa fit-tielet post fil-“Malta Eurovision Song Contest”. Wara illi waqaf għal ftit żmien, Franklin applika għal “XFactor Malta”fejn wasal mal-aħħar 14 fil-live shows. Wara l-2018 Franklin ħa pawża qasira mill-mużika u dan l-aħħar waslet l-opportunita` li jaħdem għall-ewwel darba kanzunetta bil-lingwa Maltija. Kien Dominic Cini illi avviċina lil Franklin sabiex jaħdmu kanzunetta flimkien bil-Malti bil-lirika tal-awtur Etienne Micallef. B’hekk twieled il-proġett ġdid tal-kanzunetta “Warajk” li hija waħda mill-iktar favoriti ta’ Franklin għax tispjega fi 3 minuti dak illi għadda minnu hu stess.


Dominic Cini

Sa minn età tenera, Dominic wera passjoni kbira għall-mużika u beda jkanta meta kellu biss sitt snin. Tgħallem il-mużika u beda jdoqq is-saxophone alto sakemm kellu erbatax-il sena. L-imħabba lejn il-kant u l-passjoni lejn il-mużika wassluh biex jikteb diversi kanzunetti għall-kantanti stabbiliti u oħrajn ġodda fix-xena lokali. Mhux hekk biss, imma kiteb ukoll il-mużika ta’ diversi musicals u sensiliet televiżivi.

Dominic iħobb ukoll il-palk. Ħa sehem f’diversi sensiliet poplari fuq it-televiżjoni lokali fosthom “Ipokriti”, “Simpatiċi”, “Déjà   Vu”, “Dreams” u anki “Katrina”. Imma l-iktar għal qalb Dominic huma l-musicals u l-pantomimi. Bil-parteċipazzjoni tiegħu fi produzzjonijiet lokali kompliet tifjorixxi   l-karriera tiegħu u quddiemu nfetħu orizzonti ġodda. Appuntament li ma jitlifx kull sena huwa dak tal-pantomima tal-Milied li tant hi mfittxija mill-pubbliku Malti.


Dominic ipparteċipa f’ħafna festivals lokali u internazzjonali, kemm bħala kantant , kif ukoll bħal kompożitur. Fl-2009 kanzunetta kompożizzjoni tiegħu ikklassifikat fit-tielet post fil-“Konkors Kanzunetta Indipendenza”. Fl-2010 Dominic ħa sehem bħala kantant   f’festival prestiġjuż fl-Ukrajna bl-isem ta’ “Sea Song Festival”, b’kanzunetta b’kompożizzjoni tiegħu stess fil-kliem ta’ Stephen Baldacchino. Il-kanzunetti tiegħu dejjem intlaqgħu tajjeb mill-pubbliku, tant   li fl-2013 ikklassifika fl-ewwel u fit-tieni post fil-“Konkors Kanzunetta Indipendenza”.


Huwa pprova jittanta wkoll xortih fil-“Malta Eurovision Song Contest” għal xi snin.


Etienne Micallef

Sa mit-tfulija Etienne Micallef minn dejjem kien midħla tal-palk permezz tal-Kumpanija Teatrali “Dumnikani Beltin” li għadu attiv fiha sal-ġurnata tal-llum u aktar tard tad-“Delfini Ferrieħa tal-Birgu”. Etienne studja l-mużika, tgħallem il-klarinett u għamel żmien twil idoqq ma’ diversi baned, fosthom il-banda Ċittadina “Kings Own” tal-Belt Valletta.


Flimkien mal-kompożitur Awgusto Cardinali, fl-2015 rebaħ “il-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior” bil-kanzunetta “Maġija B’Teknoloġija” interpretata minn Paolo Micallef li kien student tal-klassi tiegħu fil-kulleġġ ta’ San Albert fejn ilu jgħallem is-Sitt Sena   tal-primarja għal dawn l-aħħar 20 sena. Ħa sehem fil-Konkors “Melodija Maġika” 2019 fejn il-kanzunetti tiegħu ntlaqgħu   tajjeb ħafna mill-pubbliku tant li rebaħ bosta premijiet. Għal dawn l-aħħar erba` snin kien dejjem semi-finalist fil-festival “L-Għanja tal-Poplu”.


F’Settembru 2020 ħa sehem “fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza” bil-kanzunetta “Is-Silenzju Jinkiser mill-Ġdid” interpretata minn Jessica Magro li kklassifikat fit-8 post minn fost 20 kanzunetta finalista. Illum Etienne qed jikkollabora ma’ kantanti u kompożituri differenti bit-tama li jkompli jiżviluppa l-ħila fil-lirika u jwassal messaġġ pożittivi bil-kanzunetti tiegħu. Il-kanzunetta “Warajk” hija għal qalbu ħafna għaliex hija l-esperjenza li jistgħu jgħaddu minnha diversi persuni fil-ħajja ta’ kuljum; lirika li tfakkarna li fil-mumenti diffiċli dejjem se issib dik il-persuna speċjali li lesta tgħinek telgħeb kull diffikulta` li tkun għaddej minnha.



Il-kanzunetta “Warajk” hija waħda ta’ tama u mimlija kuraġġ. Matul ħajjitna ngħaddu minn diversi mumenti differenti, kemm dawk sbieħ kif ukoll episodji negattivi li jittimbraw il-ħajja tagħna. Il-kanzunetta tagħti xaqq dawl lil dik il-persuna li għaddejja minn perjodu mdallam fil-ħajja   tagħha u tisħaq li qatt m’hu tard biex temmen li tista’ tinbidel u ssir bniedem aħjar. Minkejja li wieħed ikun konxju ta’ kemm żbalja jew kemm il-ħajja kienet iebsa miegħu, jista’ jagħmel l-almu tiegħu biex isir bniedem aħjar, billi jqum fuq saqajh għaliex se jsib dik il-persuna li tappoġġjah fit-triq tal-fejqan emozzjonali u forsi fiżiku wkoll.


II-kliem jisħqu li biex tkun kuntent trid   tgħix il-ħolm bħalma jgħixu t-tfal bl-innoċenza tagħhom u ttir ħellies   fil-għoli maqtugħ mill-weġgħat tal-imgħoddi. Iċ-ċpar jibda jiċċara bil-mod u   bl-appoġġ ta’ persuna speċjali li titfaċċa fil-mument opportun, wieħed jerġa` jibda jgħix mill-ġdid, ma jibqax beżgħan għax jaf li hemm min qed jimxi   warajh ma’ kull pass li jterraq. Il-Malti jgħid li mix-xewk joħroġ il-ward u għalhekk, għalkemm it-triq għall-bidla tista’ tkun iebsa u fiha tista` togħtor ta’ spiss, se ssib dejjem   il-persuna li lesta tappoġġjak f’dak kollu li tgħaddi minnu.


B’sempliċiment tgħannieqa tibda tinħall mill-iskjavitu` tal-passat u tinħeles minn dawk is-sqaqien li ma jwasslu imkien u jibdew jitbexxqu dawk il-bibien li kienu ngħalqu. Isma’ minn dak li jridlek il-ġid, emmen fik għax dejjem se ssib lil xi ħadd warajk li lest jappoġġjak. Emmen li qatt m’hu tard!

Kantanti, Kompożiturti u Awturi