
Wiċċ B'Ieħor

Wiċċ B'Ieħor
Sinossi
‘Wiċċ B’Ieħor’, titkellem fuq l-imħabba iżda wkoll fuq l-infedeltà, tema ftit li xejn esplorata, iżda żgur li numru ta’ nies jistgħu jirrelataw magħha, b’xi mod jew ieħor. Jekk mhux b’mod personali, probabbli semgħu xi storja simili ta’ xi ħadd qrib tagħhom jew inkella raw xi storja tiżvolġi fuq il-post tax-xogħol. L-infedeltà u l-imħabba li jitħalltu flimkien qisu xejn mhu xejn, mingħajr ma wieħed jirrealizza l-konsegwenzi li jistgħu jinħolqu jekk din ir-relazzjoni tkompli għaddejja u tkompli tikber. L-esperjenzi tal-ħajja jwassluna biex naħbu u nidfnu dak li nisimgħu, nesperjenzaw u ngħixu biex inħallu kollox għaddej qisu xejn mhu xejn. Minħabba dan kollu, ikun hemm min ikollu juri wiċċ b’ieħor biex ma’ jweġġa’ lil ħadd, speċjalment ir-reputazzjoni tiegħu nnifsu.
Bijografiji
Julie Pomorski u Kapitlu Tlettax – Artist u Kompożitur
Il-grupp Kapitlu Tlettax huwa magħmul minn Joseph Mario Calleja u Edward Magri, magħrufa aħjar bħala Joseph Kapitlu u Dwardu Ravelle. Fuq il-bankijiet tal-iskola ddeċidew li l-ġeneru tal-hip hip huwa l-aktar wieħed addatat biex iwasslu dawk il-ħafna ideat li kellhom. Ħadmu fuq diversi kanzunetti, esponew it-talenti tagħhom f’kompetizzjonijiet bħal ’L-Għanja tal-Poplu’, u kkollaboraw m’artisti ta’ fama, fosthom: Janice Mangion, il-HOOLI u l-aktar riċenti, Danica Muscat fid-debutt tagħhom f’’Mużika Mużika’.
Tingħaqad magħhom Julie Pomorski, artista li f’żgħożitha daret id-dinja ma’ grupp li kienet tifforma minnu, u li bħala solista pparteċipat b’suċċess fi spettakli prominenti bħal ‘Malta Eurovision Song Contest’ u ‘L-Għanja tal-Poplu’. F’din l-aħħar sena, Julie bdiet tifforma parti minn Cushion, grupp li jispeċjalizza f’taħlita ta’ mużika Indjana. Ħadet sehem fl-ispettaklu ‘Il-Kbir Għadu Ġej’ mtella’ ġewwa ‘Dar il-Mediterran għall-Konferenzi’, u dan kollu waqt li bdiet bit-tnedija ta’ ‘Ar’Int!’, l-ewwel silta minn proġett ta’ mużika oriġinali bil-Malti. Bħalissa, hija wkoll għalliema tal-vuċi ġewwa ‘VocalBooth Studios’.
Cyprian Cassar – Kompożitur
Cyprian Cassar huwa kompożitur, arranġatur u produttur li twieled fil-15 t’Awwissu, 1983. Flimkien mal-ħabib kbir tiegħu Joven Grech, huwa kien jifforma parti mid-duo famuż Tenishia, li kiseb fama internazzjoni wara li klassifika mal-ewwel 100 f’‘DJ Mag’ għal erba’ snin.
Minn meta fetaħ l-istudjow personali tiegħu, Cyprian kellu ċ-ċans li jaħdem ma’ diversi artisti Maltin, fosthom: Janice Mangion, Danica Muscat, Miriana Conte, Rhiannon, Maxine Pace, Enya Magri, Gaia Cauchi u Kevin Paul.
Il-kompożizzjonijiet tiegħu: ‘Marchin’ On’, fuq lirika ta’ Emil Calleja Bayliss bil-vuċi t’Ela Mangion u ‘My Home’, fuq lirika ta’ Matt ‘Muxu’ Mercieca bil-vuċijiet t’Ike u Kaya ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’ tal-2018 u tal-2021 fejn ikklassifikaw fil-5 u t-12-il post, rispettivament.
Fl-2019, kellu wkoll iċ-ċans li silta li kiteb flimkien ma’ Niall Mooney, Jonas Gladnikoff, Daniel Muscat Caruana, Anna Banks, Fiachna O Braonain u Anna Kearney, bl-isem ta’ Banshee tirrapreżenta lill-Irlanda fil-Junior Eurovision Song Contest 2019.
Emil Calleja Bayliss – Awtur
Emil Calleja Bayliss ilu jikteb il-lirika għall-kanzunetti għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokalment, kif ukoll barra minn xtutna. Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu. Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta ‘Back To’ u minn hemm qatt ma ħares lura.
Hu kiseb l-ewwel post fil-festival ‘L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ’ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta ‘Dwell’ u fl-2019 bil-kanzunetta ‘Ħaġar Qim’, filwaqt li fl-2018 rebaħ il-festival ‘L-Għanja tal-Poplu’ bil-kanzunetta ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’.
Emil kiseb diversi suċċessi fil-‘Konkors Kanzunetta Indipendenza’ fejn fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta ‘Bħal Fjura’, fl-2018 bil-kanzunetta ‘Il-Pinna’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Nifs’. Fl-edizzjoni taż-żgħażagħ tal-istess konkors, Emil kiseb l-ewwel post fl-2019 bil-kanzunetta ‘Burdati’, fl-2020 bil-kanzunetta ‘Tfixkluniex, Tħawduniex’, u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Marelli Ma’.
Tliet kanzunetti miktuba minnu rrappreżentaw lil Malta fil-‘Junior Eurovision Song Contest’; ‘Dawra Tond’ fl-2017, ‘Marchin’ On’ fl-2018, u ‘Chasing Sunsets’ fl-2020. Kanzunetta li żgur li jibqa’ magħruf għaliha hija l-kanzunetta ‘Kewkba’ li kisbet it-tieni post fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ tal-2017.
Niżżel il-Lirika

Artist
Julie Pomorski u Kapitlu Tlettax

Kompożitur
Cyprian Cassar, Joseph Mario Calleja, Edward Magri, u Julie Pomorski
