top of page

Xorta Int

Xorta Int

Sinossi 

L-imħabba sabiħa meta tkun ġejja miż-żewġ naħat, koppja li tikkumplimenta lil xulxin, persuni li jistmgħu lill-parti l-oħra aktar minnhom innifishom. Hija ħasra meta naħa minnhom tonqos. U jista’ jkun li mhu tort ta’ dak jew dik li tkun. Il-kanzunetta tagħti garanzija li jekk b’xi kundizzjoni bħad-dimensja naħa ma tibqax tagħraf lill-oħra, il-parti l-oħra tibqa’ tħobb bħal, u aktar minn, qatt qabel.


Bijografiji 

Avenue Sky – Artist

Avenue Sky huwa grupp magħmul minn erba’ ġuvintur: Kevin (39), Karl (34), Clive (30) u Andy (30). Dan il-grupp ilu magħqud mill-2016. Il-membri fi ħdan Avenue Sky huma kollha mħarrġa bħala solisti, iżda, meta magħqudin flimkien joħolqu xi ħaġa unika li f’Malta ftit nisimgħu. Lura fl-2018 ħadu sehem fil-‘Malta Eurovision Song Contest’ bil-kanzunetta ‘We Can Run’. Għalkemm bdew b’kanzunetti bil-lingwa Ingliża, il-lingwa Maltija dejjem kienet għal qalbhom. Ta’ spiss jaħsbu f’xi kanzunetta klassika Maltija u jaraw kif jistgħu jagħtuha ħoss kemm xejn aktar modern. Kanzunetti li ħadmu fuqhom matul dawn is-snin kienu ‘Ftakar’ li kienet oriġinarjament kantata minn Joe Cutajar u ‘Sieħbi fil-Cupboard tal-Kċina’ li kienet oriġinarjament kantata u miktuba minn Walter Micallef. Fl-ewwel żewġ edizzjonijiet ta’ ‘Mużika Mużika’, Avenue Sky pparteċipaw b’‘Kompli Tbissem’ u ‘Minn Taħt l-Ilsien’. Fl-aħħar edizzjoni huma kisbu l-premju ta’‘L-Aqwa Interpretazzjoni’. Din is-sena, Avenue Sky jirritornaw fuq il-palk prestriġjuż ta’ dan l-istess festival bil-kanzunetta, ‘Xorta Int’.



Pamela Bezzina – Kompożitur u Awtur

Pamela Bezzina hija kantanta, kompożitriċi, awtriċi, arranġatriċi vokali u għalliema tal-vuċi, magħrufa speċjalment għall-vuċi partikolari tagħha assoċjata mal-mużika soul u gospel. Hija ggradwat bħala patoloġista tal-lingwa mitkellma fejn iffukat l-istudji tagħha fuq il-vuċi u l-lum il-ġurnata taħdem ma’ ħafna kantanti popolari u promettenti fejn tiffoka fuq it-teknika u anke t-terapija tal-vuċi. Pamela ġiet maħtura diversi drabi sabiex tifforma parti mill-kontingent Malti għall-‘Eurovision Song Contest’ bħala backing vocalist u coach tal-vuċi ma’ Thea Garret (2010), Glen Vella (2011), Firelight (2014), Amber (2015), Ira Losco (2016) u ma’ Christabelle Borg (2018). Hi ntgħażlet wkoll bħala direttriċi f’ħafna okkażżjonijiet nazzjonali, fosthom bħala direttriċi mużikali u arranġatriċi vokali fl-okkażżjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-‘Valletta 2018’, li seħħ quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Pamela hija waħda mill-fundaturi u d-direttriċi tal-kor famuż Malti, magħmul minn diversi kantanti popolari Maltin, ‘Animae Gospel Choir’. 


Pamela wkoll rebħet ‘L-Għanja tal-Poplu’ (2018) bħala kompożitriċi tal-kanzunetta ‘Meta r-Ramel Jitħallat mas-Silġ’ interpretat minn Jessica Magro, kompożitriċi u awtriċi ta’ tliet kanzunetti semifinalisti f’’Mużika Mużika’ tal-2022 (‘Jien l-Artist’ ta’ Cherylis, ‘Mil-Lenti Tiegħi’ ta’ Joseph Refalo u ‘Minn Taħt l-Ilsien’ ta’ Avenue Sky) Pamela kitbet diversi siltiet mużikali kemm għaliha personali kif ukoll għal diversi kantanti oħrajn lokali.



Joe Julian Farrugia - Awtur

Joe Julian Farrugia huwa kittieb, xandar u awtur tal-lirika. Fis-snin disgħin beda jieħu sehem fil-festivals nazzjonali ta’ pajjiżna b’mod regolari. Rebaħ għadd ta’ festivals lokali, fosthom il-‘Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija’ fl-2013 u ‘Mużika Mużika’ fl-2021. Fost festivals internazzjonali, rebaħ d il-festival internazzjonali ‘Discovery’ li jsir fil-Bulgarija darbtejn u l-festival ‘Ti Amo’ tar-Rumanija ħames darbiet. Kiteb xogħolijiet għall-palk fosthom produzzjonijiet soċjali, ballata, pantomimi u musicals, fosthom ‘Caravaggio: The Musical’. Kiteb il-‘Kor Sinfoniku Elfejn u Tmintax’ li fetaħ uffiċjalment is-sena tal-‘Valletta 2018’, u ‘Malta The Place To Be’; musical qasir li rrappreżenta lil Malta fid-‘Dubai Expo’. Ħareġ ħames kotba: erba’ bijografiji ta’ personaġġi Maltin u r-rumanz ‘Strada Stretta’. Beda fix-xandir fuq ir-radju fl-1993. Wara xi żmien, qaleb għat-televiżjoni billi pproduċa, idderieġa, u kiteb diversi programmi. Fost oħrajn, kien produttur u kiteb il-maġġoranza tal-episodji ta’ ‘Bijografiji’. Kiteb ukoll għadd ta’ drama għat-televiżjoni, kif ukoll poemi għat-televiżjoni u r-radju. Illum ixandar il-programm għar-radju ‘Joe Julian Filgħodu’.


Niżżel il-Lirika

XORTA INT - LIRIKA
.pdf
Download PDF • 166KB

Artist

Kompożitur

Awtur

Avenue Sky

Pamela Bezzina

Joe Julian Farrugia

Artist

Avenue Sky

Kompożitur

Pamela Bezzina

Awtur

Joe Julian Farrugia

bottom of page