• Mużika Mużika

Aktar Sorpriżi Waqt Mużika Mużika!

Niżvelaw il-mistiedna speċjali li ser ikunu qed ikantaw waqt dan il-konkors tant mistenni.


Mużika Mużika qed joqrob u aktar ma jasal iż-żmien aktar qed niżwelaw sorpriżi. Araw ftit min ser ikunu l-mistiedna speċjali li ser ikunu qed ikantaw waqt is-serati differenti ta’ Mużika Mużika!


Il-Ħamis 18 ta’ Marzu – The Travellers


Outfits: Charles & Ron - Photo: Carlton Agius - Hair Styling: Hair & Co

The Travellers huma grupp ta’ ħbieb li ingħaqdu fl-2013 biex joħolqu mużika b’laqta kontemporanja li tenkorpora l-istrumenti tal-brass u l-lirika Maltija. L-ewwel single tagħhom ‘Sempliċita’ kellha suċċess fenomenali fuq l-istazzjonijiet tar-radju lokali u b’hekk, il-grupp iddeċidew li joħorġu l-EP tagħhom b’ħames diski bil-Malti. Minn hawn ħarġu t-tlett diski tant maħbubin ‘Sempliċita’, ‘Dak li Int’ u ‘Xemx u Xita’.

l-Album tagħhom, ‘Iljuni fis-Silġ’ ġie mniedi f’April tal 2018 u jirrifletti l-kapaċita tal-grupp biex joħloq materjal ġdid u ta’ suċċess bil-Malti. Is-single famuża ‘Ħafi Paċi Kuluri’, li ħarġet minn dan l-album hija prova ta’ dan.


The Travellers magħmul minn Clayton (bassist), Joseph (Trumpet), Chris (Main Vocals) u Andrew (Guitarist); li kienu l-fundaturi oriġinali tal-grupp. Sylvano (Saxophone) u Michael (Drummer) ingħaqdu magħhom aktar tard fl-2013.

The Travellers ser ikunu qed jieħdu sehem bħala mistiedna speċjali waqt Mużika Mużika fl-ewwel serata fit-18 ta’ Marzu!


Il-Ġimgħa 19 ta’ Marzu – Olivia Lewis


Olivia Lewis

Olivia Lewis hija kantanta veterana minn Ħal Qormi li magħrufa għas-sehem tagħha fil-Malta Song For Europe fejn rebħet il-konkors fl-2007 bid-diska ‘Vertigo’. Hi marret tirrappreżenta lil Malta bl-istess diska fil-Eurovision Song Contest f’Helsinki fil-Finlandja.


Apparti min hekk, Olivia hija wkoll magħrufa fix-xena mużikali lokali għad-diski bil-Malti, fejn ħadet sehem f’diversi konkorsi lokali fosthom Ġensna. Olivia kienet ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni tal-Festival Kanzunetta Maltija fl-2013 bil-Kanzunetta ‘Hawn mill-Ġdid’ b’mużika ta’ Paul Abela u lirika ta’ Joe Julian Farrugia. Hi għandha għal qalbha ħafna l-lingwa Maltija u saħansitra tippreferi tkanta bil-Malti.


Olivia ser tkun qed tieħu sehem bħala mistiedna speċjali waqt Mużika Mużika waqt il-Classics Night fit-tieni serata fid-19 ta’ Marzu!


Is-Sibt 20 ta’ Marzu – Emma Muscat


Emma Muscat hija kantawtriċi u pjanista ta’ 21 sena li ilha tkanta u ddoqq il-pjanu mill-eta’ tenera ta’ ħames snin. Lil Emma nafuha l-aktar permezz tal-programm Taljan ‘Amiċi di Maria De Filippi’, fejn bdiet il-karrira internazzjonali tagħha fil-mużika pop meta waslet għas-semifinali wara kwazi 6 xhur kompetizzjoni fuq dan il-programm. Permezz ta’ Amiċi, Emma rnexxielha tilħaq udjenzi kbar u tikseb l-ammirazzjoni ta’ diversi segwaċi kemm lokali kif ukoll Taljani, kif ukoll tiffirma kuntratt mużikali ma’ Warner Music Italy f’Gunju 2018.


Emma Muscat

Xahar wara Emma niediet l-ewwel album tagħha internazzjonalment bl-isem ta’ ‘Moments’ meta kellha biss 18-il sena, li laħaq it-top 10 tal-FIMI charts għal tliet ġimgħat sħaħ. Hi ħadet sehem waqt l-Isle of MTV ta’ Malta fl-2018 u fl-2019, kantant mat-tenur ċelebri Joseph Calleja u mal-kantant Taljan Eros Ramazzotti, kif ukoll fetħet il-kunċert ‘Summerdaze’. Apparti dawk lokali, Emma kisbet bosta suċċessi fl-Italja fejn ħadet sehem f’diversi kunċerti kbar bħall-‘Battiti Live’ fl-2019 u fl-2020 f’Bari li xxandret ukoll fuq Canale 5, fuq ‘Seat Music Awards’ fil-Amfiteatru prestiġjuż bl-isem ta’ ‘Arena di Verona’, kif ikoll ‘Festival Show’ f’Jesolo u Trieste u ‘Radio Company’ f’Padova, Asiago u Chioggia.


Fost l-aktar suċċessi mużikali ta’ Emma nsibu ‘Vicolo Cieco’, ‘Figurati Noi’, ‘Avec Moi’ u ‘Sangria’, li biha rnexxiehla tilħaq 10 miljuni ta’ streams fuq Spotify, 17-il miljun view fuq Youtube u ġiet iċċertifikata bħala (ORO) GOLD mill-Federazione Industria Musicale Italiana.


Emma ser tkun qed tieħdu sehem bħala mistiedna speċjali waqt Mużika Mużika fl-aħħar serata fil-20 ta’ Marzu!


Mużika Mużika ser jixxandar live fuq TVM fid-9:00pm bejn it-18 u l-20 ta’ Marzu. Titilfuħx!

285 views