top of page
  • Writer's pictureMużika Mużika

“Bla Tarf” tirbaħ it-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika

Updated: Apr 29, 2022

Intemmet it-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika wara tlitt iljieli ta’ ċelebrazzjoni ta’ mużika Maltija. Din l-edizzjoni tant mistennija ntlaqgħet b’kummenti pożittivi kemm mit-telespettaturi kif ukoll mill-udjenza preżenti ġewwa s-sala tal-MFCC, Ta’ Qali. Fl-aħħar tas-serata finali, il-kanzunetta “Bla Tarf”, interpretata minn Kurt Calleja, b’lirika ta’ Kurt Calleja u kompożizzjoni ta’ Kurt Calleja, Aleandro Spiteri Monsigneur, u Peter Borg rebħet it-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika.

Ritratt: Camille Fenech

“Tkun ‘l Hawn Għaddi”, interpretata minn Kantera, fuq lirika ta’ Joe Julian Farrugia u b’kompożizzjoni ta’ Elton Zarb ġiet fit-tieni post. “Ġmielek”, interpretata minn Claudia Faniello, b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia u mużika ta’ Philip Vella ġiet it-tielet.


Il-festival irrikonoxxa wkoll lil Aurelio Belli bl-Aqwa Arranġament Mużikali u lil Avenue Sky għall-Aqwa Interpretazzjoni.


Il-Ministru għallWirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar it-tim organizzattiv għax-xogħol tajjeb li sar bi preparazzjoni għal dan il-festival, kif ukoll lill-PBS għall-ħidma teknika tal-aqwa livell.


Huwa żied jgħid li, “Dan il-Festival jiċċelebra l-ġmiel tal-kanzunetta Maltija. Ser inkomplu naħdmu biex dan il-Festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara sena u jibqa’ jkun appuntament annwali. Irridu niżguraw li aktar kantanti Maltin ikollhom opportunitajiet biex ikomplu jibnu l-karrieri mużikali tagħhom b’mod professjonali u bl-ogħla livell, kif nistgħu naraw f’dan il-Festival.”


“Żgur li kienu tlett iljieli indimentikabbli li huma prova ċara tal-livell għoli tat-talent li għandna f’Malta”, temm jgħid il-ministru.

Ritratt: Carl Tanti

Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja qal li, “Bħas-sena l-oħra, il-livell ta’ kanzunetti li kkompetew f’Mużika Mużika kien wieħed impekkabbli. L-artisti, il-kompożituri, u l-awturi kollha kienu impenjati bis-sħiħ matul ix-xhur ta’ preparamenti b’antiċipazzjoni għal dan il-festival. Għandna għal xiex inkunu kburin bit-talent lokali.”


Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Norman Hamilton stqarr li Festivals Malta reġa’ wera l-kapaċità li jipproduċi avvenimenti tal-ogħla kalibru. “Il-festival ġie mfaħħar bħala wieħed tal-għola standard mit-telespettaturi u l-parteċipanti kollha tiegħu. Dan huwa xhieda tal-livell ta’ eċċellenza li Festivals Malta kapaċi jilħaq.”


“Permezz ta’ Mużika Mużika, Festivals Malta għal darb’oħra rnexxielu jgħolli l-livell fil-produzzjoni tal-festivals. Nixtieq nirringrazzja lill-istaff kollu ta’ Festivals Malta għall-impenn, id-dedikazzjoni u x-xogħol bla waqfien tagħhom. Huwa biss grazzi għall-ħidma kontinwa tagħhom li dan il-livell għoli ta’ eċċellenza seta’ jintlaħaq. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-artisti, il-kompożituri, u l-awturi kollha talli emmnu fina u talli fdawna bil-mużika tagħhom. Aħna kburin u onorati li konna aħna li erġajna tajna l-ħajja lura lil dan il-festival tant prestiġjuż”, temmet tgħid il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala.

Ritratt: Camille Fenech

Festivals Malta, flimkien mal-bord ta’ Mużika Mużika u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, jixtiequ jirringrazzjaw lil dawk kollha involuti f’din il-produzzjoni u jesprimu l-gratitudni tagħhom lill-pubbliku Malti għall-appoġġ tiegħu.


Il-kanzunetti rebbieħa huma:


L-EWWEL POST:

Kanzunetta: BLA TARF

Kantant: Kurt Calleja

Kompożitur: Kurt Calleja, Aleandro Spiteri Monsigneur, u Peter Borg

Awtur: Kurt Calleja

Premju Monetarju*: €20,000


IT-TIENI POST:

Kanzunetta: TKUN ‘L HAWN GĦADDI

Kantant: Kantera

Kompożitur: Elton Zarb

Awtur: Joe Julian Farrugia

Premju Monetarju*: €10,000


IT-TIELET POST:

Kanzunetta: ĠMIELEK

Kantant: Claudia Faniello

Kompożitur: Philip Vella

Awtur: Joe Julian Farrugia

Premju Monetarju*: €5,000


L-AĦJAR ARRANĠAMENT MUŻIKALI:

Kanzunetta: TKUN ‘L HAWN GĦADDI

Arranġament: Aurelio Belli

Kantant: Kantera

Kompożitur: Elton Zarb

Awtur: Joe Julian Farrugia


L-AĦJAR INTERPRETAZZJONI:

Kanzunetta: MINN TAĦT L-ILSIEN

Kantanta: Avenue Sky

Kompożitur: Pamela Bezzina

Awtur: Pamela Bezzina


Aktar informazzjoni fuq www.muzikamuzika.mt


*Premijiet monetarji ser jiġu ppreżentati f’ċerimonja separata.

384 views
bottom of page