Fadal biss xahar mil-lum għat-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika. Festivals Malta jħabbar li l-biljetti għal Mużika Mużika jinsabu għall-bejgħ mil-lum. Il-biljetti għat-tliet serati jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit uffiċjali tal-festival muzikamuzika.mt
Mużika Mużika rritorna sentejn ilu fl-2021 u ħa post il-Festival tal-Kanzunetta Maltija, fejn minkejja l-pandemija Festivals Malta rnexxielu jtella’ produzzjoni televiżiva b’suċċess li rat aktar minn 320,000 telespettatur isegwu b’mod dirett tul it-tlett ijiem tal-festival. L-ewwel edizzjoni tal-festival intrebħet mill-kanzunetta Ħarsa Biss, interpretata minn Glen Vella b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia u kompożizzjoni ta’ Philip Vella, filwaqt li t-tieni edizzjoni intrebħet mill-kanzunetta Bla Tarf, interpretata u miktuba minn Kurt Calleja, b’kompożizzjoni ta’ Kurt Calleja, Aleandro Spiteri Monsigneur u Peter Borg.
Sa mit-tnedija tiegħu l-festival irnexxielu jikseb rispett u popolarità kbira kemm ma’ bosta artisti, kompożituri u awturi lokali, kif ukoll mat-telespettaturi li għandhom il-kanzunetta Maltija ferm għal qalbhom. Mużika Mużika reġa’ qajjem wkoll l-interess f’kompożizzjonijiet bil-Malti, b’żieda ta’ kanzunetti bil-lingwa Maltija kemm f’festivals lokali oħra, kif ukoll fuq diversi stazzjonijiet tar-radju lokali.
Din is-sena, Mużika Mużika ser jittella’ fit-23, l-24 u l-25 ta’ Marzu fl-MFCC, Ta’ Qali u ser jixxandar b’mod dirett fuq Television Malta. Il-festival jiftaħ il-Ħamis 23 ta’ Marzu bis-semifinali, fejn 20 kanzunetta jikkompetu għal post fil-finali. L-għada l-Ġimgħa 24 ta’ Marzu, l-festival ikompli b’serata ta’ kanzunetti klassiċi, fejn l-20 semifinalist jinterpretaw kanzunetti klassiċi Maltin flimkien ma’ kantanti lokali stabbiliti. L-istennija tkun lejn it-tmiem ta’ din is-serata fejn jitħabbru t-12-il finalist tal-festival. Fl-aħħar ġurnata tal-festival is-Sibt 25 ta’ Marzu, it-12-il kanzunetta finalista jikkompetu għall-ewwel post. Ir-rebbieħ tal-festival jirbaħ is-somma ta’ €20,000. It-tieni klassifikat jirbaħ is-somma ta’ €10,000 u t-tielet klassifikat jirbaħ €5,000. Kull kanzunetta li tgħaddi għall-finali tingħata s-somma ta’ €500 bħala għajnuna biex isiru l-arranġamenti orkestrali meħtieġa.
Il-biljetti għat-tielet edizzjoni tal-festival Mużika Mużika jistgħu jinxtraw minn www.muzikamuzika.mt Festivals Malta jħeġġeġ lill-pubbliku biex ikun preżenti fis-sala u ma jħallix għall-aħħar biex jixtri l-biljetti. Aktar informazzjoni dwar il-festival u l-kanzunetti semifinalisti tista tinkiseb minn fuq is-sit uffiċjali ta’ Mużika Mużika.
Comments