top of page
  • Writer's pictureMużika Mużika

Is-Sibt Jagħlqu l-Applikazzjonijiet għal Mużika Mużika 2023!

Updated: Feb 28, 2023

Titlifx iċ-ċans li tkun parti minn dan il-festival tant prestiġjuż!
Ritratt: Camille Fenech

Mużika Mużika ser jirritorna bit-tielet edizzjoni tiegħu bejn l-23 u l-25 ta’ Marzu 2023. Bl-applikazzjonijiet jagħlqu f’inqas minn ġimgħa, dan huwa ċ-ċans tiegħek biex tapplika għal dan il-festival tant prestiġjuż u tħalli l-marka tiegħek fl-istorja tal-mużika Maltija.


B’ritorn grandjuż fl-2021, Mużika Mużika ħa post il-Festival tal-Kanzunetta Maltija wara nuqqas ta’ bosta snin. L-ewwel edizzjoni tal-festival kienet ta’ suċċess kbir b’aktar minn 320k telespettatur, minkejja li r-restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija ma’ ppermettewx li jkun hemm udjenza live preżenti fis-sala. Il-kanzunetti tal-festival kisbu popolarità kbira mal-poplu Malti u ndaqqu kemm ’l darba fuq bosta radji lokali, b’xi wħud saħansitra marru viral fuq siti bħal YouTube, TikTok, u pjattaformi oħra. It-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni tal-festival bħala pjattaforma eċċellenti għall-artisti lokali biex jesprimu t-talent tagħhom permezz tal-lingwa Maltija. Il-kanzunetta rebbieħa ‘Bla Tarf’ saħansitra ndaqqet f’diversi tiġien li saru tul l-istaġun tas-Sajf, biex ma nsemmux avvenimenti u festivals oħra li fihom ġew mistiedna l-kantanti.


Ritratt: Camille Fenech

Dan il-festival mhux biss huwa l-akbar festival tal-mużika Maltija li għandna ġewwa pajjiżna, iżda huwa wkoll l-unika wieħed li jinkludi orkestra live ta’ 40 mużiċist li jdoqqu mal-parteċipanti fuq il-palk. Il-palk innisfu huwa ddisinjat bir-reqqa u jkolli disinn ġdid kull edizzjoni, biex jakkomoda kemm lill-artisti, l-mużiċisti, kif ukoll il-preżentaturi bl-aħjar mod possibbli, filwaqt li joffri l-aħjar xeneġġatura għat-televiżjoni. Apparti minn hekk, Mużika Mużika joffri wkoll ċans lill-artisti emerġenti u dawk esperjenzati, biex jinterpretaw il-kanzunetti tagħhom fuq pjattaforma nazzjonali. Permezz ta’ Mużika Mużika l-artisti jibnu wkoll relazzjonijiet ma’ kantanti, awturi u kompożituri lokali oħra, kif ukoll ikabbru l-udjenzi tagħhom.



Jekk inti kantant, kompożitur, awtur, jew int parti minn grupp jew band, applika għal Mużika Mużika u titlifx iċ-ċans li tkun parti mit-tielet edizzjoni ta’ dan il-festival grandjuż! Kull tip ta’ ġeneru mużikali huwa aċċettat, u Festivals Malta tinkuraġġixxi li l-applikanti jkunu kreattivi fis-sottomissjonijiet tagħhom u jkunu avventurużi fl-użu tal-ġeneri bħal pereżempju rock, rap, elettronika, pop, reggae, blues, funk u aktar!

Ritratt: Elisa Von Brockdorff

L-Applikazzjonijiet huma miftuħa sal-15 t’Ottubru nofsinhar, u jistu jsiru kemm online kif ukoll fl-uffiċini ta’ Festivals Malta (bejn l-10 u l-15 t’Ottubru).

Għal aktar informazzjoni u għar-regolamenti żur www.muzikamuzika.mt

129 views
bottom of page