top of page
  • Writer's pictureMużika Mużika

Festivals Malta jippreżenta l-premjijiet lill-kanzunetti rebbieħa ta’ Mużika Mużika 2021

Updated: Apr 15, 2021


It-tlett iljieli tal-ewwel edizzjoni tal-festival b’aktar minn 320,000 telespettatur.

Ir-ritorn tant mistenni tal-Festival Kanzunetta Maltija rnexxielu jikseb rispons pożittiv b’udjenza televiżiva numeruża ta’ aktar minn 320,000 spettatur fuq it-tlett iljieli ta’ Mużika Mużika. Il-festival, li ġie mxandar fuq TVM, ħoloq il-pjattaforma li tant kien hemm bżonn għall-Mużika Maltija, pjattaforma li kienet ilha nieqsa ‘l fuq minn sebgħa snin.



Hu u jindirizza konferenza stampa fejn it-tlett kanzunetti rebbieħa ġew mgħotija l-premji monetarji, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera faħħar it-talent tal-kantanti, kompożituri, u awturi lokali li rnexxielhom jipproduċu materjal tal-għola kwalità għall-ewwel edizzjoni tal-festival. Il-Ministru Herrera irrikonoxxa wkoll ix-xogħol u l-impenn tal-organizzaturi tal-festival taħt it-tmexxija ta’ Festivals Malta, l-aġenzija nazzjonali responsabbli minn diversi festivals lokali.


“Jien u nħares lura lejn il-festival, ninsab onorat ngħid li x-xogħol tagħkom [l-organizzaturi u l-parteċipanti] irnexxielu jgħaqqad nazzjon u jagħti t-tama li kien hemm bżonn waqt dan iż-żmien diffiċli premezz ta’ spettaklu uniku u ta’ kwalità għolja għall-familja kollha”, qal Herrera. “Jiena ċert li l-poplu Malti ser jibqa’ juri s-sapport tiegħu lejn dan il-festival fiż-żmienijiet li ġejjin, li jiżgura s-suċċess u t-tisħieħ ta’ dan il-proġett ambizzjuż”, ikkonkluda Herrera.


Il-Ministru Herrera, ippreżenta l-premju monetarju ta’ €10,000 lil Philip Vella, il-kompożitur tal-kanzunetta rebbieħa ‘Ħarsa Biss’ li kienet interpretata minn Glen Vella u miktuba minn Joe Julian Farrugia. Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja, ippreżenta t-tieni premju ta’ €5,000 lil Gilbert ‘Bibi’ Camilleri għal ‘Għajjejt Inħobb’ interpretata minn Christian Arding u miktuba minn Rita Pace, li rebħet il-vot tal-ġurija u spiċċat fit-tieni post. Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Norman Hamilton, ippreżenta t-tielet premju ta’ €3,000 lil Elton Zarb għall-kanzunetta ‘L-Ewwel Jien’, interpretata mill-grupp folk Kantera u miktuba minn Joe Julian Farrugia. Annabelle Stivala, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, ippreżentat it-trofew lir-rebbieħa tal-premju tal-Aħjar Interpretazzjoni u l-Aħjar Arranġament Mużikali lil Christian Arding u Norbert Camilleri rispettivament.


Il-konferenza stampa ġiet indirizzata wkoll minn Annabelle Stivala, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-kwalità tal-produzzjoni miksuba minn Festivals Malta filwaqt li awgurat lill-artisti kollha li pparteċipaw f’dan il-festival ta’ suċċess, “Inħossni kburija li bħala Festivals Malta, irnexxielna norganizzaw produzzjoni ta’ dan il-livell. Nifraħ lill-artisti kollha li pparteċipaw f’din il-produzzjoni ta’ suċċess u nawguralhom kull suċċess fil-vjaġġ mużikali tagħhom. Permezz ta’ Mużika Mużika, Festivals Malta rnexxielu jilħaq orizzonti ġodda; fl-aħħar, l-artisti lokali għandhom pjattaforma xierqa fejn jistgħu juru t-talent tagħhom permezz tal-lingwa Maltija”, ikkummentat Stivala. “Festivals Malta diġà qed jaħdem fuq l-edizzjoni tas-sena d-dieħla, filwaqt li qiegħed jipproduċi wkoll il-video mużikali tal-kanzunetta rebbieħa ‘Ħarsa Biss’. Apparti dan, nixtiequ nħabbru wkoll li s-CD uffiċjali ta’ Mużika Mużika se tkun disponibbli għall-bejgħ dalwaqt”, kompliet Stivala.


Filwaqt li feraħ lill-awturi, l-kompożituri, u l-kantanti kollha għall-parteċipazzjoni tagħhom, iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika kkummenta wkoll dwar il-livell tal-kanzunetti li ġew ippreżentati fil-produzzjoni. Is-Sur Bugeja qal, “Jien kburi bil-livell ta’ talent li kellna għal din il-produzzjoni. Nifraħ lir-rebbieħa kollha għall-kisba tagħhom, kif ukoll lill-artisti kollha li ħadu sehem. Sfortunatament, dejjem irid ikun hemm rebbieħ, iżda minħabba l-istandard għoli tal-kanzunetti parteċipanti kollha din l-għażla ma kinitx faċli. Inthom urejtuna l-livell li għandhom x’joffru l-artisti lokali u kemm il-kanzunetta Maltija hija verament importanti għan-nazzjon tagħna."


Is-Sur Norman Hamilton, kompla fuq il-kummenti tas-Sur Bugeja billi faħħar l-organizzazzjoni wara l-produzzjoni, li rnexxielha tilħaq bosta udjenzi b’riżultati pożittivi. “Nixtieq nirringrazzja lill-kumitati kollha involuti, lit-tim organizzattiv, lill-membri tal-orkestra, kif ukoll lill-kantanti, l-awturi, u l-kompożituri, u lil dawk kollha li kienu involuti f'din il-produzzjoni, partikolarment it-tim tiegħi ta' Festivals Malta. Fl-aħħar il-kanzunetta Maltija ngħatat l-attenzjoni u l-pjattaforma prestiġjuża li tassew jistħoqqilha."


Għal aktar informazzjoni dwar Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija żur is-sit uffiċjali - www.muzikamuzika.mt.



315 views
bottom of page