Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija miexi għat-tieni fażi tiegħu hekk kif ġimgħatejn ilu sirna nafu l-ħamsa u tletin kanzunetta li intgħażlu minn numru impressjonanti ta’ 148-il applikazzjoni sottomessa. Dawn swew ta’ xhieda tal-kwalita’ u d-diversita’ tat-talent Malti. Fatt li jispikka mill-ewwel fażi fil-preparazzjonijiet ta’ dan il-festival huwa l-abbundanza tat-talent f’dan il-pajjiż, kif ukoll l-interess qawwi li hawn għall-Mużika Maltija. Poġġejt bilqiegħda maċ-Chairman tal-festival, Is-Sur Raymond Bugeja, biex nitkellmu dwar ir-rispons li rċieva rigward il-bidla f’dan il-festival, u dwar l-attentat li l-format tal-mużika timraħ mit-tipika ballata, li tant hi sinonima mal-konkorsi tal-mużika lokali.
“Jidher li kien hemm ħafna entużjażmu mill-pubbliku’, innota s-Sur Bugeja. “Tkellimt ma ħafna żgħażagħ li, sa ftit xhur ilu, lanqas biss ħolmu li jsegwu festival tal-mużika Maltija, u li issa qed japprezzawh u jinteressaw ruħhom fih.”
Is-Sur Bugeja jgħid li r-riżultat kien wieħed pożittiv, bl-inklużjoni ta’ diversi sottomissjonijiet ta’ livell għoli li ġejjin minn artisti differenti, bi stili ta’ mużika varjata għall-aħħar. Din id-diversifikazzjoni ta’ talent u ġeneru hija emblematika għat-triq li qed jieħu dan il-festival – li jkun inklussiv u li jiċċelebra kull tip ta’ mużika Maltija.
Hu jispjega li l-proċess kollu ġie mfassal bid-diversita’ fil-fulkru ta’ kollox, filwaqt li jkun trasparenti u etiku bl-aktar mod li huwa possibbli fil-komunita’ ċkejkna ta’ pajjiżna. Qal ukoll li l-isfida ewlenijja kienet dik tal-ġurija, li kellhom jagħżlu l-ħamsa u tletin kanzunetta mill-148 sottomissjoni. Din il-ġurija ġiet magħżula b’tali mod li tinkludi individwi ta’ etajiet differenti li ġejjin minn sfondi differenti fil-qasam tal-mużika.
It-tieni fażi ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija li tibda mill-lejla, ser tara l-ħamsa u tletin applikant li ntgħażlu s’issa f’battalja mużikali għas-semi-finali. Dan huwa ċ-ċans biex l-artisti joħorġu mill-istudio biex juru t-talenti tagħhom lill-ġurija billi jinterpretaw il-kanzunetta live waqt li jkunu akkumpanjati minn backing track. Ta’ min jgħid li dawn il-prestazzjonijiet live ser isiru quddiem ġurija totalment differenti minn dik tal- fażi li għaddiet biex żgur ma jkunx hemm kunflitt ta’ nteress.
Bl-iżvolta differenti li issa Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija qed jieħu, sibt ruħi nistaqsi lis-Sur Bugeja dwar l-influwenza li kellu fuq din l-edizzjoni l-ġdida tal-festival. “Ma nistax ngħid li d-diversi snin li għamilt ngħix l-Italja ma stampawx il-festival ta’ ‘San Remo’ ġo moħħi”, hekk kif kompla jispjega fuq kif l-avvenimenti internazzjonali li attenda matul iż-żmien fosthom dawk fl-Ewropa, l-Amerika u l-Asia, ħallew l-impatt tagħhom ukoll. Kompla billi stressja li dan il-festival huwa l-kulminazzjoni ta’ xogħol mit-tim esperjenzat ta’ Festivals Malta flimkien mal-membri tal-Bord Organizzattiv li huma entużjasti biex joħolqu ġenerazzjoni ġdida tal-kanzunetta Maltija.
Hekk kif il-ġurija tagħżel l-għoxrin kanzunetta li ser tkun qed tikkompeti fis-semi-finali tal-festival li ser jixxandar duq TVM bejn it-18 u l-20 ta’ Mejju 2021, it-tim maniġerjali bħalissa għaddej ġmielu bil-preparamenti għal dan il-festival li bħalissa waslu fi stadju avvanzat ħafna. Dawn il-preparamenti jibdew mill-proċess tal-akkwist bħal tenders, biljetti u siġġijiet għal aktar dettalji fini bħal stilisti tax-xagħar u make-up artists, sal-għażla tat-tvalji fuq l-imwejjed.
L-akbar sfida? Is-sitwazzjoni kurrenti tal-COVID-19 tfisser li ħafna mistoqsijiet ser jibqaw bla risposta. Ser ikun hemm udjenza live waqt dan il-festival? Kemm u taħt liem restrizzjonijiet? Id-distanza soċjali kif ser tiġi irrispettata waqt dan il-festival biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tan-nies involuti.
Minkejja dan kollu, is-Sur Bugeja jħossu inkoraġġut bl-entużjażmu li qanqal dan il-festival. It-tama li dan il-konkors tal-kanzunetta Maltija jerġa’ jsib postu fix-xena bħala festival annwali tfisser li ġenerazzjoni ġdida ta’ artisti Maltin ser jiġu spirati li jipparteċipaw f’ċelebrazzjoni ta’ mużika bil-lingwa Maltija.
Għal aktar informazzjoni żur www.muzikamuzika.org.
Comments