Il-Kitarra u Jien

Kantant

Philip Vella

Kompożitur

Philip Vella

Awtur

Joe Julian Farrugia

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
Lura
Li Jmiss

Sinossi

Philip Vella

Philip twieled f’familja fejn missieru Joseph kien iħobb il-mużika u kien idoqq strumenti varji. Allura ma setgħax ikun li Philip ma jkomplix wara missieru. Tgħallem idoqq il-kitarra u beda jdoqq u jkanta f’ħafna mill-postijiet tat-turisti li jeżistu f’raħal twelidu, il-Mellieħa.


Huwa meqjus bħala wieħed mill-kantanti ewlenin f’pajjiżna, magħruf għal diversi kanzunetti fosthom “X’Jimpurtani”, “Marija”, “Fil-Każ   Grazzi” u ħafna oħrajn. Ħareġ 4 kollezzjonijiet b’kanzunetti oriġinali bil-Malti, b’uħud mill-materjal f’dawn   il-kollezzjonijiet jikseb suċċess f’diversi festivals lokali bħal: “Festival tal-Kanzunetta Maltija” u “L-Għanja tal-Poplu”.


Aktar kmieni din is-sena nieda il-ħames kollezzjoni ttiegħu, bl-isem 60+. Minn 60+, Philip ġa nieda 4 kanzunetti ta’ suċċess: “Il-Verità”, “Rajt Raġel”, “Pa” u aktar waħda riċenti tkun “Ġenna u Nfern” li apparti li qed tindaqq fuq diversi stazzjonijiet tad-radju, laħqet ukoll   il-quċċata tal-Klassifika tal-Maltin.


Philip Vella

Minn eta’ tenera, Philip tgħallem idoqq il-kitarra u ma tantx dam ma beda jinteressa ruħu jikteb xi kanzunetta. Infatti, spiċċa biex kiteb diversi kanzunetti għal diversi artisti Maltin, b’involviment kemm fil-produzzjoni kif ukoll fir-rikordings ta’ ħafna mill-albums ewlenin li ħarġu f’pajjiżna.


Għaldaqstant, illum-il ġurnata, Philip   huwa meqjus bħala wieħed mill-kompożituri ewlenin f’pajjiżna. Rebaħ diversi kompetizzjonijiet mużikali b’materjal li huwa kkompona għal bosta festivals, fosthom: “Malta Eurovision Song Contest”; “Festival tal-Kanzunetta Maltija”; “L-Għanja tal-Poplu” u “L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ”. Kiseb rizultati prestiġjużi fosthom it-tieni post fis-sena 2002 bil-kanzunetta “7th Wonder”. Ha sehem b’suċċess f’ħafna festivals barra minn xtutna fejn   kiseb riżultati prestiġjużi fosthom fi Franza, Olanda, Turkija, Bulgarija, Slovenja, Belġju u oħrajn.


Iħobb ħafna lil-raħal twelidu, il-Mellieħa u fuq inizzjattiva tal-Kunsill Lokali kiteb żewġ musicals fosthom: “El Mellaħa” u aktar riċenti, “Naħal tal-Imħabba”.


Joe Julian Farrugia

Joe Julian Farrugia huwa kittieb, xandar u awtur tal-lirika. Fis-snin disgħin beda jieħu sehem fil-festivals nazzjonali ta’ pajjiżna b’mod regolari. Fl-1999 kellu kanzunetta magħżula mill-American Airlines biex tindaqq kull meta tintalab diska minn Malta fuq l-ajruplani tagħhom. Rebaħ għadd ta’ festivals lokali fosthom il-“Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija” 2013. Fost festivals internazzjonali,   rebaħ darbtejn il-Festival Internazzjonali “Discovery” li   jsir fil-Bulgarija u l-Festival “Ti Amo” tar-Rumanija ħames darbiet. Kiteb il-Kor   Sinfoniku “ELFEJN U TMINTAX” li fetaħ is-sena tal-Valletta 2018 uffiċjalment. Kiteb xogħolijiet għall-palk fosthom produzzjonijiet soċjali, ballata, musicals u l-pantomima bil-Malti tal-Milied 3 darbiet. Ħareġ erba’ kotba ta’ bijografiji ta’ personaġġi Maltin. Beda fix-xandir fuq ir-radju fl-1993. Wara żmien qaleb għat-televiżjoni billi pproduċa, idderieġa u kiteb diversi programmi. Fost oħrajn, kien producer tal-programm “Bijografiji” u kiteb il-maġġoranza tal-episodji. Kiteb ukoll għadd ta’ drama ghat-televiżjoni, kif ukoll poemi għat-televiżjoni u r-radju. Illum ixandar il-programm għar-radju Bonġu Kafé ma’ Joe Julian.

Fil-ħajja jiġru ħafna ġrajjiet. Tisma’ minn hemm u minn hawn aħbarijiet ta’ ferħ u niket. Jekk inħares lura niftakar ħafna minn dawn il-mumenti li għaddejt... imma mhux waħdi... jien u l-kitarra tiegħi. Huma mumenti li nisslu fija emozzjonijiet differenti, emozzjonijiet li meta ma stajtx ngħidhom bil-kliem, qalithom miegħi il-kitarra f’melodija li tirrifletti ż-żminijiet. Pajjiż li dejjem mifrud fuq kollox jingħaqad meta   jinġabru l-fondi għall-morda u l-batuti, pajjiż li jibki meta jiġru aċċidenti   traġiċi, bħal xi splużjoni f’xi kamra tan-nar, jew it-traġedja tat-tarzna. Min-naħa l-oħra il-kitarra u jien, mal-pajjiż kollu, fraħna wkoll meta beltna saret il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.


Il-melodija tkompli, daqqa ta’ ferħ u daqqa ta’ niket. Ir-ritmu ta’ bejnietna ma jiqafx... u r-rota tkompli ddur.

Kantanti, Kompożiturti u Awturi