Tbissimli

Kantanta

Michela Galea

Kompożitur

Mark Spiteri Lucas

Awtur

Emil Calleja Bayliss

  • Facebook
  • YouTube
  • Instagram
Lura
Li Jmiss

Sinossi

Michela Galea

Imwielda fit-2 ta’ Mejju 1997, Michela   Galea ġejja minn familja ta’ diversi mużiċisti u kantanti u għaldaqstant ma kienitx sorpriża li t’eta’ żgħira, hija bdiet titgħallem il-pjanu, it-teorija tal-mużika kif ukoll il-kant apparti li riedet tavvanza wkoll l-istudji tagħha fir-reċtar u ż-żfin. Tul is-snin hi kisbet diversi kwalifiki f’dawn l-oqsma.


Fl-2017, hija ħarġet ftit aktar mill-qoxra tagħha u daħlet għal “Miss World Malta”, konkors tas-sbuħija li rebħet u wassalha għal “Miss World” fiċ-Ċina. Hemmhekk hija ġiet inkurunata bħala “Miss World Talent”. Ftit tax-xhur wara li ġiet, hija ggradwat bil-Baċellerat fl-Arti (bl-Unuri) fl-Istudji tat-Teatru.


Matul il-karriera tagħha, Michela kellha ħafna kisbiet bħal: ir-rebħ tal-“Konkors Kanzunetta Indipendenza” fl-2014 bil-kanzunetta “Mixja Li Bdiet”; ir-rebħ tal-festival “L-Għanja tal-Poplu” fl-2018 bil-kanzunetta “Mhux Kulma Jleqq Deheb”,   kif ukoll il-parteċipazzjoni f’att ta’ produzzjonijiet teatrali u televiżivi inkluż: “D.R.E.A.M.S”, “Ħbieb u Għedewwa” u “L-Għarusa” li ġew mxandra fuq Television Malta u fl-aħħar u mhux l-anqas, l-interpretazzjoni tar-rwol ewleni fil-film “Ħabbilni Ħa   Nirbaħ”, mtella’ bis-sapport tal-entita’ Valletta 18.


Mark Spiteri Lucas

Mark Spiteri Lucas twieled fit-22 ta’ Ġunju 1977. Huwa ġej minn familja mużikali u midħla sew tal-ispettaklu li pproduċiet mużiċisti u kantanti, bħalma huma Oscar Lucas, John Charles Lucas,   Godwin u David Lucas kif ukoll Joe Cutajar.


Beda jistudja l-pjanu fl-età ta’ seba’ snin, sakemm kiseb id-diploma tal-mużika A.L.C.M u ta’ tlettax-il sena beda jdoqq il-pjanu f’diversi lukandi u avvenimenti varji. Għal diversi snin kien ukoll jifforma parti mill-orkestra tas-surmast Joe Brown.


Bħala kompożitur ħadem u kkollabora mill-qrib fuq diversi proġetti ma’ diversi mużiċisti u kantanti kemm lokali kif ukoll barranin u pparteċipa f’diversi festivals kemm lokalment u anke lilhinn minn xtutna.


Huwa għalliem, kompożitur, mużiċist,   arranġatur, kantant, producer televiżiv u teatrali.


Emil Calleja Bayliss

Emil Calleja Bayliss ilu jikteb għal dawn l-aħħar għaxar snin fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali kif ukoll barra minn xtutna.


Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu mmens. Emil rebaħ “L-Għanja   tal-Poplu Żgħażagħ” bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta “Dwell” u fl-2018 bil-kanzunetta “Ħaġar Qim”. Fl-2018 irnexxielu jirbaħ il-festival “L-Għanja tal-Poplu” bil-kanzunetta “Mhux Kulma Jleqq Deheb”.


Emil kiseb diversi suċċessi fil-“Konkors Kanzunetta Indipendenza”; fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta “Bħal Fjura” u fl-2018 bil-kanzunetta “Il-Pinna”  filwaqt li rebaħ it-talent ġdid erba’ darbiet; fl-2014, fl-2016, fl-2017 u   fl-2018.


Emil rebaħ il-“Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior” fl-2019 bil-kanzunetta “Burdati” u fl-2020 bil-kanzunetta “Tfixkluniex, Tħawduniex”. Hu rrappreżenta lil Malta fil-“Junior Eurovision Song Contest” tliet darbiet; fl-2017 bil-kanzunetta “Dawra Tond”, fl-2018 bil-kanzunetta “Marchin’ On”  u fl-2020 bil-kanzunetta “Chasing   Sunsets”.


Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2015 bil-kanzunetta “Back To” u minn hemm qatt ma ħares lura. Żewġ kanzunetti li żgur li jibqa’ magħruf għalihom huma “Poeta Bla Kliem” li kisbet it-tieni post fil-“Festival Kanzunetta Maltija” fl-2013 u l-kanzunetta “Kewkba” li kisbet it-tieni post fil-“Malta Eurovision Song Contest” fl-2017.

It-tbissima hija d-duwwa ta’ kollox fil-ħajja u meta tiġi mingħand xi ħadd speċjali għalina tkun tfisser aktar, għalkemm il-qawwa tagħha hija tant b’saħħitha li tiġi mingħand min tiġi ħa tnissel sens ta’ paċi u serenità.


It-tbissima apprezzata f’kull ħin u f’kull mument, kemm fl-għodwa meta wieħed ikun għadu qed jistenbaħ u jibda jipprepara għal jum ġdid u anke meta wieħed ikun wasal sabiex itemm il-jum tiegħu wara ġurnata mimlija.


It-tbissima sabiħa anke meta jitfaċċaw il-problemi għax fiha nnifisiha taf toffri wens u kuraġġ. Tbissima tressaq żewġ persuni viċin aktar ta’ xulxin mingħajr ma tintqal kelma waħda biss. Dik is-saħħa li għandha.


Fil-ħajja u f’kull relazzjoni rridu nagħrfu meta niżbaljaw u nitolbu maħfra fejn jinħtieġ u bi tbissima kapaċi tasal għal dan bl-aktar mod faċli. Tbissima ġenwina turi x’qed tħoss il-qalb.


Tbissima kapaċi twassal messaġġ li wieħed isib diffiċli biex jingħad infatti t-tbissima tista’ tqisha bħala l-fomm tar-ruħ. B’hekk l-għanja ta’ tbissimli, għax f’dik it-tbissima hemm mitqlu deheb.

Kantanti, Kompożiturti u Awturi