© Festivals Malta 2020 - All rights reserved

Privacy Policy          Cookies          Press

Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija ser iservi ta’ pjattaforma prestiġjuża fejn kantanti, awturi u kompożituri lokali jesebixxu l-kompożizzjonijiet Maltin tagħhom.

Irreġistra biex tirċievi informazzjoni dwar dan il-festival!

Irreġistra

Grazzi!

L-Applikazzjonijiet magħluqa

Storja ta' Mużika

Bidu Umli

 

Il-‘Malta Song Festival’ jaf il-bidu tiegħu minn grupp żgħir fl-1960, fejn il-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara (ŻĦN) organizzaw l-ewwel festival tal-mużika fil-gżejjer Maltin. Ftit wara, festivals oħra għamlu l-istess, bit-tnedija tas-‘Song for Europe’; bir-rebbieħ tiegħu jirrapreżenta lil Malta fil-‘Eurovision Song Contest’. Dan ġie segwit bl-‘Għanja tal-Poplu’, sponsorjat mill-‘Youth Travel Circle’ (YTC), li għadu qed jittella’ kull sena sal-ġurnata tal-lum. Dan il-festival addotta stil differenti, u sa 2016 serva ta’ vetrina għal kompożizzjonijiet Maltin ibbażati fuq temi soċjali.

 

It-Twelid tal-Mużika Maltija

 

Il-‘Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija’ twieled uffiċjalment fl-1981, bl-idea li l-mużika Maltija, flimkien ma’ kantanti, awturi u kompożituri lokali, tilħaq rikonoxximent internazzjonali. Il-kunċett ewlieni ta’ dan il-festival kien biex jinkoraġġixxi kantanti minn pajjiżi oħra biex jipparteċipaw b’kompożizzjonijiet Maltin addattati għall-istil ta’ mużika u l-lingwa tagħhom. Apparti minn hekk, il-festival fetaħ bibien lil bosta artisti lokali, għax l-ewwel, it-tieni u t-tielet post dejjem kienu jiġu mistiedna jikkompetu f’festivals internazzjonali. Kien hemm drabi fejn anke kantanti mhux rebbieħa ntagħżlu, u xi artisti barranin saħansitra żiedu kompożizzjonijiet Maltin fuq ic-CD tagħhom.

Waqfa Ħesrem

 

Wara għoxrin sena konsekuttiva, Il-‘Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija’ ġie mwaqqaf ħesrem fl-2002, b’sorpriża għal ħafna delettanti tal-festival.

Wara ħdax-il sena dan il-festival irritorna fl-2013, u għalkemm kellu baġit minimu, xorta ġie milqugħ tajjeb minn awturi, kantanti u kompożituri lokali. Dan ir-ritorn kien wieħed qasir, għax il-festival ma kompliex wara dik is-sena, ħlief darba f’Lulju tal-2016 taħt l-isem ta ‘L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija’.

 

Minn dakinhar ‘l hawn kompożituri, awturi u kantanti baqgħu jittamaw li l-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija jirritorna.

 

Ritorn Grandjuż

 

Din is-sena, permezz tas-sapport tal-Prim Ministru Dr Robert Abela u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, L-Arti u L-Gvern Lokali Hon. Dr José Herrera, l-festival ser jieħu żvolta oħra u ser jirritorna bil-kbir. Taħt il-kappa ta’ Festivals Malta, il-festival bl-isem il-ġdid ta’ ‘Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija’ fl-aħħar ser ikollu l-preġju li tant jixraqlu.