top of page

My Items

Amber Marie Coleiro

Amber Marie Coleiro twieldet fl-24   t’April, 2003 u toqgħod Marsaskala. Attendiet fl-iskola primarja tal-Fgura u fl-iskola sekondarja taż-Żejtun u għadha kemm spiċċat is-sixth form ta’ San Alwiġi. F’Ottubru li ġej ħa tibda tistudja l-mediċina   fl-Università ta’ Malta. Fl-2013 bdiet titgħallem il-kant f’La Voix Academy u f’Mejju tal-2016 kompliet titħarreġ għand Tiziana Calleja f’CentreStage.


Matul is-snin ipparteċipat f’diversi konkorsi fejn dejjem ikklassifikat mal-ewwel tliet postijiet. Ma’ CentreStage studjat il-musical theatre fejn waslet sal-livell avvanzat u dejjem ġabet distinction. Kellha opportunità tipparteċipa f’diversi workshops tal-musical theatre ġewwa Londra. F’Marzu tal-2019 ipparteċipat fl-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bħala backing vocalist u f’Settembru tal-2020 ipparteċipat fl-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Mediterran, b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia u mużika ta’ Andrew Zammit. Barra l-kant tippratika wkoll in-netball.


Il-ħolma tagħha hija li tieħu sehem f’festivals iktar popolari bħal Mużika Mużika peress li tieħu pjaċir ħafna tkanta bil-lingwa Maltija.

Claire Marie Busuttil

Claire Marie Busuttil għandha 32 sena u hija minn Ħaż Żabbar. Claire minn dejjem ħassitha miġbuda lejn affarijiet kreattivi u ta’divertiment professjonali u b’hekk bdiet tipprattika d-drama ta’ età żgħira. Ta’ 16-il sena hiiltqgħetma' artiklu ta' Miss Malta u iddeċidiet li tikkompeti. Hi rnexxielha tirbaħ u rrappreżentat lil Malta barra minn xtutna.


Maż-żmien , Claire akkwistat iżjed esperjenza fil-qasam tal-moda, televiżjoni u issa anke fuq il-midja socjali. Hi tippreżenta ukoll program tar-radju, li jgħatiha ċertu sfidi differenti u sodisfazzjon.


Bħalissa Claire qiegħda tgħallem il-mudelli ta’Miss Malta, fejn turihom kif għandhom jippreżentaw lilhom nfushom, kif ikollhom personalità tajba, kif jidru quddiem kamera, u kif jimxu fuq palk.

Cyprian Cassar

Cyprian Cassar beda jitgħallem il-mużika klassika ta’ għaxar snin grazzi għal missieru permezz tal-kitarra, pjanu, l-bass u d-drums. Ta’   17 il-sena Cyprian beda juri interess fil-mużika elettronika filwaqt li kien jesperimenta   b’software tal-mużika mogħti lilu minn ħabib tiegħu. Ta’ 19-il sena irnexxielu jkollu l-ewwel   studio tiegħu, u flimkien ma’ Joven Grech beda l-grupp Tenishia. Permezz ta’ dan il-proġett Cyprian irnexxielu jivjaġġa madwar id-dinja, saħansitra   klassifika mal-ewwel 50 tad-DJ Mag Top 100 DJs award, tella’ kunċerti kbar u   anke deher fuq diversi reklami influwenti. Permezz ta’ Tenishia Cyprian kiseb il-Best Newcomer Award 2005, Best Live Performance 2005, The International   Recognition Award u l-Best Dance Tune Award għal tlett   snin konsekuttivi fil-Malta Music Awards.


Fl-2016, Cyprian temm il-ħidma tiegħu fuq il-proġett Tenishia u beda jaħdem għal rasu u beda jipproduċi kanzunetti għal diversi artisti   lokali. Il-produzzjonijiet tiegħu kisbu it-tieni post fil- Malta Eurovision Song Contest għal darbtejn, kif ukoll rebaħ il-Junior Eurovision Song Contest f’Malta   permezz   tal-kanzunetta li pproduċa għal Ella Mangion

Francesca Zammit

Francesca Zammit twieldet fis-17 ta’ Lulju, 2000 u għandha 21 sena. Ilha tmur il-lezzjonijiet tal-kant għal dawn l-aħħar ħames snin għand Vocal Booth Studios taħt il-gwida ta’ Julie Pomorski, u bdiet iddoqq il-pjanu ta’ tmien snin u waslet sat-tmien grad. Apparti l-imħabba tagħha għall-mużika, hi turi mħabba kbira wkoll għal-lingwa Maltija. Fil-fatt qiegħda tistudja l-Malti ġewwa l-Università ta’ Malta u taspira li ssir għalliema tal-Malti.


Francesca pparteċipat ukoll f'diversi kunċerti. Ħadet sehem bħala kantawtriċi fil-finali tal-43 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu fil-2019 bil-kanzunetta oriġinali tagħha Din Għalik.


Hi għamlet ukoll parti   mill-kor ta’ Ġensna fl-2008 u fl-2019. F’Jannar 2018 kienet parti mis-sinfonija korali Valletta 2018 Elfejn u Tmintax fuq it-taraġ tal-Katidral ta’ San Ġwann, u fis-7 ta Ġunju 2018, Francesca ħadet sehem ukoll fil-Valletta Pageant of the Seas fil-Port il-Kbir.


F’Jannar tal-2021 ħadet sehem ukoll fil-festival Kanta Magħna flimkien ma’ DCapitals Big Band.

Glen Vella

Glen   Vella huwa kantant, kompożitur u għalliem tal-vuċi. Hu beda l-karriera tiegħu fil-kant ta’ 13-il sena. Studja l-vuċi u l-pjanu u ġie ċċertifikat mill-Victoria Music and Arts College ta’ Londra biex iħarreġ il-vuċi.


Glen kiseb il-popolarità tiegħu fix-xena lokali wara li għal bosta snin   kien kantant residenti f’diversi programmi televiżivi. Dan minbarra numru kbir ta’ musicals li ħa sehem fihom. Bla dubju li wieħed mill-ikbar suċċessi ta’ Glen, kemm f’Malta u anki barra minn Malta, kien fl-2011 meta rrappreżenta ‘l pajjiżna fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta One Life u riċentament kiseb l-ewwel post tal-Festival Kanzunetta Maltija, Mużika Mużika bil-kanzunetta Ħarsa Biss.


Glen kien innominat għal diversi drabi fil-kategorija għall-aqwa artist fil-Malta Music Awards u rnexxielu jirbaħ it-titlu tal-Aqwa Artist Solista, l-Aqwa Kantant u l-Aqwa Video għal One Life. Hu kien rebaħ ukoll il-kategorija għall-Aqwa Kantant fil-One Tribute Awards, kif ukoll  il-FIDOF award għal tliet darbiet u l-premju tal-ġurija fil-Golden Stag International Festival fir-Rumanija.


Matul il-karriera   tiegħu, Glen ikkollabora ma’  diversi kant-awturi Maltin u barranin, kanta f’kunċerti kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna. Hu kien ukoll solista fl-ispettaklu Elfejn u Tmintax, is-sinfonija korali li tnediet fuq it-turġien tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-ftuħ uffiċjali tal-Valletta 2018.


Illum il-ġurnata Glen jagħmel parti mill-kor gospel Animae, li tiegħu huwa wkoll fundatur. Barra minn hekk, huwa wieħed mill-għalliema tal-vuċi f’VocalBooth Studios u ilu għal diversi snin iħarreġ lill-istudenti tiegħu fuq is-sillabu Rock n’ Pop Vocal ta’ Trinity College ta’ Londra. Huwa wkoll jidderieġi l-Vocal Troupes.

Haley Azzopardi

Haley Azzopardi għandha 17-il sena u toqgħod San Ġwann. Bdiet titgħallem il-kant mill-età ta’ għaxar snin.


Fl-2015, Haley irnexxielha tasal sal-finali tal-Junior Eurovision, kif ukoll tirbaħ il-Kalamita Festival. B’riżultat ta’ dan kienet irrappreżentat lil Malta f’Festival Internazzjonali   fl-Italja, u hemmhekk spiċċat rebħet Grand Prix.


Fi   Frar 2018 rebħet il-programm televiżiv Anke Jien Għandi X’Nuri li ntwera live fuq stazzjon lokali. F’Mejju 2017 Haley rebħet l-ewwel post fil-kategorija tagħha fil-festival Taljan Accademia: Il Talent fuq Sky Tv.


Hi ħadet sehem ukoll fil-musical Il-Ħanina Maddalena li sar ġewwa Teatru Rjal u kif ukoll fil-musical It-Tfajla li Stunat fil-prim awla tal-qorti waqt Notte Bianca 2019.


F’April 2018 Haley rebħet Sanremo Junior Malta u rrappreżentat lil Malta f’Sanremo Junior Mondjali fit-Teatru Ariston ġewwa San Remo, fejn klassifikat fit-tielet post.


Riċentement Haley ħadet sehem fl-Għanja Tal-Poplu 2021 fejn klassifikat fit-tieni post fil-final.


Haley   għamlet għaxar snin tipprattika l-ballet u bħalissa qiegħda tistudja l-mużika f’livell avvanzat u t-theatre and performance f’livell intermedjarju fil-Junior College.

Jeanine Rizzo

Jeanine   Rizzo  hija avukata gradwata mill-Università ta’ Malta li kompliet l-istudji tagħha fl-oqsma tal-liġi tal-proprjetà intellettwali u l-liġi tal-arti u l-patrimonju fil-livell ta’ Masters fl-University College London. Waqt li kienet Londra kienet assistenta tar-riċerka tal-Professur Norman Palmer, kienet qed tagħmel riċerka dwar il-liġi tal-pleġġ u dwar il-liġi tal-arti. Mal-wasla tagħha lura Malta, hija bniet prattika fil-liġi tal-proprjetà intellettwali u l-liġi tal-patrimonju f'Fenech & Fenech Advocates għal 11-il sena. Issa fetħet il-konsulenza tagħha stess, RIZZO.


Jeanine tispeċjalizza fil-copyright u drittijiet tal-awtur f’kull qasam ta’ xogħol u tal-industrija, trademarks, patents, drittijiet tad-disinn, liġi tad-divertiment, liġi tal-mużika u liġi tal-films. L-esperjenza tagħha wasslitha biex taħdem id f’id mal-industriji kreattivi b'kompetenza legali mfassla għall-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw dawk l-industriji. Hija wkoll lekċerer u eżaminatur fl-Università ta’ Malta u fl-MCAST, hija ppubblikata ta’ spiss bil-miktub dwar is-suġġett u hija membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA).

Jes Sciberras

Jes Sciberras mill-Belt Valletta beda il-karriera tiegħu fil-qasam tar-reċtar fl-età ta’ disa’ snin. Ta’ 16-il sena beda jistudja iż-żfin fl-istil Modern Jazz. Sena wara kompla l-istudji billi beda jitħarreġ fil-Ballet Klassiku, żfin kontemporanju, Flamenco u Jazz professjonalment. Minn hemm beda jieħu sehem fi produzzjonijiet teatrali u televiżivi fil-qasam taż-żfin ma’ diversi kumpaniji u skejjel taż-żfin kemm lokali kif ukoll internazzjonali.


Aktar tard kompla bl-istudji tiegħu ġewwa Firenze, l-Italja fejn kompla jistudja professjonalment fil-qasam taż-żfin, Ballet, Jazz, kontemporanju u koreografija. Ħa sehem f’diversi dance shows, musicals u produzzjonijiet kemm lokali u internazzjonali. Il-koreografiji jinkudu musicals, pantos, dance shows, TV shows u films. Is-sehem tiegħu fil-Eurovision Song Contest kien kemm bħala żeffien u anke koreografu ma’ diversi kantanti stabbiliti. Kien akkumpanja lill-kantanti prinċipali bħala żeffien fil-ESC ġewwa l-Finland u n-Norvegja. Apparti Ii pproduċa u anke ppreżenta diversi programmi televiżivi hu ħa sehem f'diversi produzzjonijiet televiżivi anke bħala attur. Apparti li huwa għalliem taż-żfin Jazz, Jes huwa għalliem tal-fitness u ilu jgħallem għal dawn l-aħħar 25 sena.

Joshua Alamu

Joshua Alamu huwa vocal coach rinomat u rrispetat madwar id-dinja kollha fix-xena mużikali internazzjonali. Hu speċjalizzja fuq ir-rijabilitazzjoni u l-iżvilupp tekniku tal-vuċi kif ukoll fuq l-iżvilupp tal-istil vokali.


Inizjalment Joshua beda l-karriera   tiegħu bħala Speech   Level Singing Instructor u kompla fuq il-vocology, li huwa l-istudju ta’ kif taħdem il-vuċi u kif toħroġ il-potenzjal ta’ tipi ta’ vuċijiet differenti. Premezz ta’ Mad About The Voice, Joshua  jirnexxielu jaqsam it-talent, passjoni u entużjażmu li għandu lejn il-vuċi ma’ diversi kantanti oħra.


Joshua ħadem fuq diversi programmi televiżivi bħala vocal coach u membru tal-ġurija,  fosthom The Voice, Pop Idol, Just The Two of Us, u oħrajn. Hu ħadem ma’ diversi kantanti internazzjonali bħal Little Mix, Hamzaa, Kristina O’Connor, James Arthur, Stefflon Don, MNEK, Sigrid, Liam  Payne u Rita Ora, kif ukoll mal-kantanti lokali Brooke, Amber u Emma Muscat.

Kayley Cuschieri

Kayley Cuschieri għandha 18-il sena u ilha 13-il sena tkanta. Sa minn età żgħira, bdiet tmur titħarreġ fiż-żfin u iktar tard, fil-pjanu, fejn illum waslet fl-aħħar grad tal-prattika u fis-seba’ grad tat-teorija, b’ħajra li tibda anki tgħallmu.


Kayley ħadet sehem f’bosta attivitajiet u kompetizzjonijet tal-kant, kemm lokali kif ukoll barra minn xtutna. Ħadet sehem fil-Malta Junior Eurovision mal-grupp Fusion fejn irnexxielhom jikklasifikaw fit-tieni post. Għal tlett snin, hija kienet finalista wkoll f’Malta Sanremo Junior. Kienet l-ewwel rebbieħa tal-KKI Junior lura fl-2014 bil-kanzunetta Għannaqni. Iktar   riċenti, ħadet sehem fl-ewwel żewġ edizzjonijiet ta’ X Factor Malta u kienet finalista fl-Għanja tal-Poplu taz-Żgħażagħ b’żewġ kanzunetti kif ukoll ippreżentatu fl-2018. Kienet finalista għal sentejn konsekuttivi fl-Għanja tal-Poplu ma’ orkestra live u fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza.

Kylie Meilak

Kylie Meilak twieldet fis-6 ta’ Frar 2004 u toqgħod Ħaż Żabbar. L-imħabba tagħha lejn il-mużika bdiet minn età żgħira iżda bdiet titħarreġ professjonalment meta kellha tmien snin.


L-ewwel kompetizzjoni kbira li ħadet sehem fiha kien Sanremo Junior meta kellha disa’ snin fejn rebħet it-titlu u telgħet tirrappreżenta lil Malta ma’ kantanti oħrajn fosthom Destiny u Karl Luke Schembri. Ta’ għaxar snin ħadhet sehem fid-duet b’diska oriġinali bil-malti fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior. Ħadet sehem ukoll f’diversi musicals fosthom Sound Of Music u Annie, kif ukoll fil-Junior Eurovision għal tliet snin konsekuttivi fejn fl-2016 daħlet mal-grupp Fusion fejn ikklassifikaw fit-tieni post. 


Fl-2019 daħlet f’X Factor S2 fejn daħlet bħala solista u baqgħat għaddejja sas-six chair challenge.


Apparti l-mużika, Kylie għandha ħafna għal qalbha l-annimali u n-natura. Bħalissa qiegħda fl-ewwel sena tagħha sixth form u qed timmira biex tkompli fuq il-linja tal-liġi.

Maria Micallef

Maria Micallef  bdiet il-karriera tagħha bħala stilista fl-2015 wara apprentistat mal-Malta Fashion Week li huwa wieħed mir-rekwiżiti biex tirċievi ċertifikazzjoni għall-Fashion Styling. Ftit xhur wara Maria saret waħda mill-istilisti tal-moda fuq il-programm lokali Venere.


Bħalissa Maria tagħmel parti mit-tim tal-Malta Fashion Week bħala Backstage Logistics and Wardrobe Coordinator. Hi qed issegwi karriera bħala Digital Content Specialist ma’ kumpanija lokali.

bottom of page