Francesca Zammit twieldet fis-17 ta’ Lulju, 2000 u għandha 21 sena. Ilha tmur il-lezzjonijiet tal-kant għal dawn l-aħħar ħames snin għand Vocal Booth Studios taħt il-gwida ta’ Julie Pomorski, u bdiet iddoqq il-pjanu ta’ tmien snin u waslet sat-tmien grad. Apparti l-imħabba tagħha għall-mużika, hi turi mħabba kbira wkoll għal-lingwa Maltija. Fil-fatt qiegħda tistudja l-Malti ġewwa l-Università ta’ Malta u taspira li ssir għalliema tal-Malti.
Francesca pparteċipat ukoll f'diversi kunċerti. Ħadet sehem bħala kantawtriċi fil-finali tal-43 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu fil-2019 bil-kanzunetta oriġinali tagħha Din Għalik.
Hi għamlet ukoll parti mill-kor ta’ Ġensna fl-2008 u fl-2019. F’Jannar 2018 kienet parti mis-sinfonija korali Valletta 2018 Elfejn u Tmintax fuq it-taraġ tal-Katidral ta’ San Ġwann, u fis-7 ta Ġunju 2018, Francesca ħadet sehem ukoll fil-Valletta Pageant of the Seas fil-Port il-Kbir.
F’Jannar tal-2021 ħadet sehem ukoll fil-festival Kanta Magħna flimkien ma’ DCapitals Big Band.
Francesca Zammit
“Permezz ta’ din l-esperjenza qed nitgħallem ħafna affarjiet ġodda rigward il-mużika u nemmen li din l-esperjenza se tgħinni noħroġ mill-qoxra u ma nibżax nipprova affarjiet ġodda.”