Glen Vella huwa kantant, kompożitur u għalliem tal-vuċi. Hu beda l-karriera tiegħu fil-kant ta’ 13-il sena. Studja l-vuċi u l-pjanu u ġie ċċertifikat mill-Victoria Music and Arts College ta’ Londra biex iħarreġ il-vuċi.
Glen kiseb il-popolarità tiegħu fix-xena lokali wara li għal bosta snin kien kantant residenti f’diversi programmi televiżivi. Dan minbarra numru kbir ta’ musicals li ħa sehem fihom. Bla dubju li wieħed mill-ikbar suċċessi ta’ Glen, kemm f’Malta u anki barra minn Malta, kien fl-2011 meta rrappreżenta ‘l pajjiżna fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta One Life u riċentament kiseb l-ewwel post tal-Festival Kanzunetta Maltija, Mużika Mużika bil-kanzunetta Ħarsa Biss.
Glen kien innominat għal diversi drabi fil-kategorija għall-aqwa artist fil-Malta Music Awards u rnexxielu jirbaħ it-titlu tal-Aqwa Artist Solista, l-Aqwa Kantant u l-Aqwa Video għal One Life. Hu kien rebaħ ukoll il-kategorija għall-Aqwa Kantant fil-One Tribute Awards, kif ukoll il-FIDOF award għal tliet darbiet u l-premju tal-ġurija fil-Golden Stag International Festival fir-Rumanija.
Matul il-karriera tiegħu, Glen ikkollabora ma’ diversi kant-awturi Maltin u barranin, kanta f’kunċerti kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna. Hu kien ukoll solista fl-ispettaklu Elfejn u Tmintax, is-sinfonija korali li tnediet fuq it-turġien tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-ftuħ uffiċjali tal-Valletta 2018.
Illum il-ġurnata Glen jagħmel parti mill-kor gospel Animae, li tiegħu huwa wkoll fundatur. Barra minn hekk, huwa wieħed mill-għalliema tal-vuċi f’VocalBooth Studios u ilu għal diversi snin iħarreġ lill-istudenti tiegħu fuq is-sillabu Rock n’ Pop Vocal ta’ Trinity College ta’ Londra. Huwa wkoll jidderieġi l-Vocal Troupes.
Glen Vella
Bħala mentor, Glen Vella huwa ta’ gwida għall-parteċipanti ta’ Mużika Mużika – Il-Vjaġġ Ikompli. Hu jgħin billi joffri pariri siewja ta’ xi jfisser li tkun kantant professjonali fl-industrija tad-divertiment lokali u hu ta’ spalla għall-artisti tul il-vjaġġ tagħhom.