Pamela Bezzina bdiet turi l-interess fil-mużika minn età żgħira ħafna. Bdiet il-karriera tal-kant meta kellha 12-il sena, u kellha d-debutt nazzjonali tagħha fl-1999 meta pparteċipat u rebħet il-Festival taż-Żgħażagħ b’kanzunetta li kienet kitbet u kkomponiet hija stess. Pamela bdiet it-taħriġ fit-teknika tal-vuċi taħt is-soprana internazzjonali Prof. B.K. Dobreva. Hija inagħtat diversi partijiet prinċipali fi musicals, kunċerti u operetti li saru f’Malta u Għawdex. Pamela ġiet ukoll fdata lir-rwol ta’ arranġatriċi u direttriċi vokali f’diversi xogħolijiet mużikali li jinkludu musicals oriġinali, il-mużika kollha tal-ftuħ tal-Junior Eurovision, Rockestra, Ġensna, il-ftuħ uffiċċjali tal-Valletta 18 quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Fireworks Festival u bosta oħrajn. Pamela kellha wkoll diversi opportunitajiet barra minn Malta, fejn kantat f’diversi pajjizi.Pamela hija magħrufa għall-vuċi partikulari tagħha li tiġbed ħafna lejn is-soul però li hija versatili biżżejjed li tkanta stili oħra b’mod impekkabbli. Pamela ġiet ukoll magħżula sabiex tifforma parti mill-kontinġent Malti għall-Eurovision Song Contest bħala backing vocalist, ma’ diversi artisti.
Fl-2008, Pamela flimkien mal-kantanti Glen Vella u Leontine, iffurmaw kor Animae Gospel Choir, li kiseb fama nazzjonali f’qasir żmien. Pamela hija ggradwata bħala Terapista tal-Lingwa u d-diskors (Speech & Language Pathologist), iżda x-xogħol ewlieni tagħha huwa dak ta’ kantanta professjonali u ta’ għalliema tal-vuċi u l-kant ġewwa l-istudios tagħha stess, VocalBooth Studios. Hija tgħallem numru ta’ kantanti promettenti kif ukoll dawk stabbiliti it-teknika u l-interpretazzjoni tal-kant. Parti mix-xogħol tagħha huwa wkoll ta’ terapista tal-vuċi fejn tanaliżża problemi u tippjana programm ta’ rijabilitazzjoni, flimkien ma’ professjonisti bħal tobba ENTs lokali għal persuni bi problemi fil-vuċi.