top of page

Maestro Paul Abela beda jistudja l-mużika ta’ età żgħira u ta’ 13-il sena ngħaqad mal-grupp Mellieħi New Cuorey fejn ukoll beda jikkomponi kanzunetti li għadhom popolari sal-lum, bħal ma huma Bħal Daż-Żmien Konna Flimkien u L-Aħħar Bidwi F’Wied Il-Għasel, kanzunetta li ġbiet irrekordjata mill-kantant famuż Taljan Claudio Baglioni.


Fl-1978 mar jistudja ġewwa Berklee College of Music f’Boston l-Amerika u ggradwa fl-1981. Wara reġa lura Malta fejn beda jikkomponi r-rock opera Ġensna li kisbet suċċess kbir. Huwa kompla jikkomponi diversi kanzunetti ta’ suċċess u musicals oriġinali, li ħafna minnhom irrapreżentaw lil Malta bosta drabi ġewwa festivals f’pajjiżi barranin. Huwa irrapreżenta lil Malta erba’ darbiet fil-Eurovision Song Contest bil-kompozizzjonijiet Could It Be, Little Child, In A Woman’s Heart u Another Summer Night fejn ukoll idderieġa l-orkestra tal-Eurovision ġewwa Ruma, Malmoe, u Oslo.


Paul kien għalliem ġewwa l-iskola tal-mużika Johann Strauss fejn kien jgħallem il-pjanu, teorija, improvizzazzjoni kif ukoll għaqqad jazz big band li biha daqqew diversi drabi fil-Malta Jazz Festival kif ukoll kunċerti oħra madwar Malta u Għawdex.


Paul kien Direttur Mużikali ta’ bosta musicals li saru Malta, bħal ma’ huma Les Miserables in Concert, Jesus Christ Superstar, The Sound of Music, Fame, Godspell, Joseph and the Amazing Technicolour Dreamcoat, Legally Blonde, South Pacific, Kiss me Kate, Fiddler on the Roof, kif ukoll pantomimi u showsgħat-televiżjoni u ċelebrazzjonijiet nazzjonali. Paul huwa Direttur Mużikali ta’ The Malta Concert Orchestra kif ukoll Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika - Festival Kanzunetta Maltija.

Paul Abela

Paul Abela
bottom of page