top of page

3 ta' Ġunju 2021

3 ta' Ġunju 2021

Sinopsi 

L-idea tal-kanzunetta ilha tberren f’moħħi minn meta kellna t-tewmin – l-aktar esperjenza li qatt qanqlet fina emozzjonijiet differenti; minn biża’, sa mħabba, għeja u ansjetà u, fl-istess nifs, kuntentizza kbira. Xtaqt li jkolli l-kuraġġ li nesprimi dan kollu fil-lirika ta’ kanzunetta. U, għalhekk, il-kanzunetta l-ewwel tibda b’xewqa, bi ħsieb. L-aktar ħaġa diffiċli hija biex tpoġġi dawk il-ħsibijiet f’lirika b’mod poetiku u ssawwar melodija li tagħmel sens għall-widna. Hija aktar faċli meta l-istess persuna tkun qed tikteb il-kliem u l-mużika  għaliex ikollok libertà assoluta li tibqa’ tbiddel u tirfina sal-aħħar, tarmi u tibda mill-ġdid jekk hemm bżonn - bħalma għamilt kemm-il darba - mingħajr ma jieħu għalih ħadd, għax tiegħek f’tiegħek.

 

Bijografiji


Artist - Neville Refalo

Neville Refalo huwa kantant u attur, l-aktar magħruf għall-versatilità vokali tiegħu u l-kapaċitajiet tiegħu fl-ispettakli live. Neville iħossu l-aktar għal qalbu meta jieħu sehem fi musicals fejn jista’ jwaħħad it-talenti teatrali u mużikali tiegħu. Fost l-irwoli li kellu x-xorti jinterpreta, hemm il-parti ta’ 'André' fi Phantom of the Opera u 'Amos' f'Chicago. Neville għandu wkoll passjoni kbira għall-kanzunetti Taljani u r-repertorju tiegħu ta' kanzunetti Taljani huwa wiesa’ immens. Neville mhux biss iħobb il-kanzunetta Taljana, imma wkoll iħobb il-lingwa Taljana li fiha huwa gradwat b'baċellerat mill-Università ta' Malta, l-ikel Taljan, l-Istorja Taljana, u l-futbol Taljan, li kien isegwi b’passjoni kbira qabel tfaċċaw it-tewmin Giuseppe u Giovanni, naturalment.

 

Kompożitriċi | Awtriċi – Corazon Mizzi

Corazon hija preżentatriċi u kantawtriċi l-aktar magħrufa għall-kanzunetti tagħha bil-lingwa Maltija, liema kanzunetti wassluha biex tirbaħ il-festival L-Għanja tal-Poplu erba’ darbiet. Corazon ħarġet żewġ albums tal-mużika oriġinali tagħha u ngħatat il-premju għall-Aqwa Kittieba tal-Mużika fil-Malta Music Awards. Lil'hinn mill-karriera artistika tagħha, Corazon hija gradwata b'Dottorat fil-Liġi u tipprattika bħala Nutar Pubbliku fl-uffiċċju tagħha f'Ħaż-Żebbuġ.

Artist

Kompożitur

Awtur

Neville Refalo

Corazon Mizzi

Corazon Mizzi

Artist

Neville Refalo

Kompożitur

Corazon Mizzi

Awtur

Corazon Mizzi

bottom of page